Repubblika tikkundanna d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jerġa’ jaħtar lil Johann Buttigieġ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar mingħajr ma ċċara xejn mill-allegazzjonijiet li kienu saru dwaru.
Illum, ftit jiem wara li l-inkjesta dwar il-kumpanija sigrieta 17 Black ġiet konkluża, il-Prim Ministru ddeċieda li jaħtar lis-Sur Buttigieg li f’chats ma’ Yorgen Fenech, is-sid ta’ din il-kumpanija, iddikjaralu “Meta trid nagħmlu negozju”.
Ninnutaw li Johann Buttigieg stqarr dan waqt li kien Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar u meta kien magħruf pubblikament li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17 Black. Kif jista’ jkollna fiduċja f’Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li jistqarr li lest jagħmel negożju bħal dan?
Kif jista’ jkollna fiduċja f’Johann Buttigieg li waħda mill-ewwel azzjonjiet tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar it-Turiżmu kienet li jagħti kuntratt ta’ konsulenza lil Konrad Mizzi li kien għadu kif irriżenja minn Ministru f’ċirkostanzi skandalużi?
Infakkru lil Dr Robert Abela li l-obbligu tiegħu bħala Prim Ministru huwa li jiddeċiedi fl-interess ta’ Malta u mhux li juża l-ħatriet pubbliċi biex jaħbi l-inkwiet li għandu frott il-patt imxajtan.