Il-gvern qed juri nuqqas kbir ta’ entużjażmu għal riformi b’rabta mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fi ħdanu. Nirreferu għas-sejbiet tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (il-GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa, li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu28 għadhom mogħtija l-ġenb. Dawn jeħtieġ jitqiesu mill-ġdid għax l-adozzjoni tagħhom tista’ tgħin biex tonqos it-tossiċità tal-ambjent li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ġurnalista kontra l-korruzzjoni.

Il-GRECO rrakkomanda li:

  1. “jittieħdu miżuri biex tissolva s-sitwazzjoni legali tal-persuni ta’ fiduċja, u biex l-għadd ta’ dawn l-uffiċjali maħtura bid-diskrezzjoni jkun limitat għal minimu assolut, u li dawk b’kariga eżekuttiva għolja jkunu konformi mal-ogħla standards ta’ integrità, inkluż fejn jidħlu r-regoli ta’ kondotta, il-kunflitti ta’ interess, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni, u s-superviżjoni mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.”

Bħalissa fil-Parlament qed issir diskussjoni dwar liġi “biex tissolva s-sitwazzjoni legali tal-persuni ta’ fiduċja” iżda aktarx se tkun miżura li tikser l-Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni, jiġifieri l-gvern se jipprova jgħaddi att illeġittimu mill-Parlament li jilleġiżla s-sistema attwali li tuża l-impjiegi tas-settur pubbliku biex joħloq kasta mħallsa minn flus il-poplu, li ssib art għammiela għall-korruzzjoni, għall-klijenteliżmu u għall-abbuż tad-drittijiet taċ-ċittadini. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkritika l-abbozz tal-liġi u wissa li dan se jnaqqas il-kompetenza tiegħu ta’ superviżjoni u jdgħajjef l-istandards tal-integrità, jiġifieri eżattament il-kontra tar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO.

  1. “abbażi ta’ valutazzjonijiet xierqa tar-riskju titfassal u titwettaq strateġija ta’ integrità fir-rigward tal-kategoriji pertinenti kollha tal-persuni fdati b’kariga eżekuttiva għolja;
  2. “(i) jittieħdu miżuri aktar sodi u sistematiċi għas-sensibilizzazzjoni (eż. taħriġ introduttorju jew ta’ aġġornament, sessjonijiet ta’ ħidma, dokumenti gwida, tfakkiriet bil-miktub) lill-persuni kollha fdati b’kariga eżekuttiva għolja, fil-bidu tat-terminu tagħhom u f’intervalli regolari matulu, (ii) l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ integrità għall-uffiċjali pubbliċi u l-osservanza tagħhom tkun disponibbli għalihom, inkluż billi titqiegħed fuq il-websites tal-awtoritajiet pubbliċi;
  3. “jinfirdu l-funzjonijiet ta’ konsulenza kunfidenzjali u ta’ infurzar li għandu l-Kummissarju dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, u dik tal-ewwel tiġi fdata f’idejn persuni jew korpi oħra;
  4. “(i) l-implimentazzjoni tal-Att tal-2008 dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tkun soġġetta għal analiżi indipendenti u bir-reqqa u (ii) fid-dawl tas-sejbiet, jittieħdu miżuri addizzjonali biex l-eċċezzjonijiet għar-regola tal-iżvelar pubbliku jiġu interpretati u applikati b’mod aktar speċifiku u strett;
  5. “bħala regola, jiġi previst l-iżvelar mill-gvern tal-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni u ta’ testi oħra li jkunu ta’ interess għall-pubbliku, u jsir il-livell ta’ konsultazzjonijiet xierqa, u f’dak il-kuntest li (i) jkunu possibbli biss eċċezzjonijiet speċifiċi u limitati għal din ir-regola, u jiġu regolati b’mod ċar, u li (ii) l-eżiti tal-proċeduri tal-konsultazzjoni pubblika jiġu ppubblikati online mingħajr ħafna dewmien u b’mod li jkun aċċessibbli faċilment;
  6. “jiġu stabbiliti regoli li jirregolaw (i) il-kuntratti bejn persuni b’kariga eżekuttiva għolja u lobbisti/partijiet terzi li jippruvaw jinfluwenzaw il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u (ii) l-iżvelar ta’ dawn il-kuntatti u s-suġġetti diskussi;
  7. “titfassal u titwettaq strateġija li ssaħħaħ il-kapaċità, l-awtorità u l-akkontabbiltà pubblika tal-istituzzjonijiet tal-Istat fdati b’funzjonijiet regolatorji u ta’ kontroll fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi pubbliċi;
  8. “is-sistema li tittratta l-kunflitti ta’ interess tkun supplimentata b’dispożizzjonijiet u gwida ċari dwar (i) rekwiżit li persuni b’kariga eżekuttiva għolja jeħtieġ jiżvelaw kunflitti ad hoc, u (ii) proċeduri, responsabbiltajiet u skadenzi ċari biex jissolvew is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess, inkluż wara lmenti mill-pubbliku jew minn istituzzjonijiet oħra;
  9. “(i) id-dispożizzjonijiet attwali dwar l-inkompatibbiltajiet u l-attivitajiet sekondarji applikabbli għall-persuni fdati b’karigi eżekuttivi għolja jsiru aktar koerenti u robusti għall-kategoriji kollha ta’ dawn il-persuni, b’limiti aktar ċari u aktar stretti fuq l-attivitajiet paralleli permissibbli, u (ii) jiddaħħlu proċeduri, responsabbiltajiet u skadenzi speċifiċi biex jissolvew dawn is-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess, wara żvelar ad hoc u/jew ilmenti mill-pubbliku jew minn istituzzjonijiet oħra;
  10. “ir-reġim attwali tad-dikjarazzjoni tal-assi u tal-interessi jiġi żviluppat aktar billi (i) jiġi estiż għall-persuni fdati b’kariga eżekuttiva għolja, inkluż għall-persuni ta’ fiduċja li huma assoċjati mat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ xi Ministru, id-dmir li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni dettaljata lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u jiġi kkunsidrat li tiżdied informazzjoni dwar il-konjuġi (hu mifhum li din l-informazzjoni dwar il-konjuġi m’hemmx bżonn tiġi ppubblikata), u (ii) ikun żgurat li d-dikjarazzjonijiet kollha jkunu aċċessibbli għall-pubbliku b’mod sistematiku, faċli u online;
  11. “ikun żgurat li (i) d-dikjarazzjonijiet tal-assi u tal-interessi tal-persuni fdati b’karigi eżekuttivi għolja jkunu soġġetti għal kontrolli effettivi u proattivi mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u għalhekk l-istituzzjoni tingħata mezzi legali, umani u oħrajn, u tintalab tirrapporta pubblikament u regolarment dwar ix-xogħol tagħha, u (ii) ikunu applikabbli konsegwenzi ċari u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi li jiżguraw l-eżattezza u l-korrettezza tal-informazzjoni ddikjarata kif ukoll il-mili tajjeb tad-dikjarazzjonijiet, inkluż il-possibbiltà li kwistjoni tingħadda għal investigazzjoni kriminali;
  12. “(i) issir riforma tas-sistema tal-investigazzjoni kriminali u tal-prosekuzzjoni fir-rigward tal-persuni fdati b’kariga eżekuttiva għolja, skont il-linji identifikati mill-Kummissjoni Venezja fil-valutazzjoni tagħha minn Diċembru 2018, u jingħata rwol ċentrali attiv lill-prosekuturi u mingħajr ma tinżamm il-ġurisdizzjoni parallela tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u (ii) jiġi ċċarat għall-korpi investigattivi kriminali li l-ftuħ ta’ inkjesta jew investigazzjoni jista’ jkun ibbażat fuq suspett raġonevoli u li m’hemmx bżonn il-preżentazzjoni ta’ xi evidenza;
  13. “(i) tiddaħħal leġiżlazzjoni li tagħti awtorità lill-korpi investigattivi kriminali biex fl-investigazzjoni ta’ reati tal-korruzzjoni jkunu jistgħu jesploraw u jużaw tekniki investigattivi speċjali (bħal interċettazzjonijiet telefoniċi u miżuri simili), filwaqt li l-awtorità ġudizzjarja jkollha s-setgħa tawtorizza l-użu tagħhom, u l-evidenza miksuba b’dan il-mod tkun ammissibbli fil-qrati diment li tkun rispettata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u ii) l-awtoritajiet kollha involuti fl-investigazzjoni ta’ reati tal-korruzzjoni jkollhom għarfien ċar li l-evidenza miksuba legalment b’dawn il-mezzi hija evidenza ammissibbli fil-qrati;
  14. “(i) bħala regola, il-persuni kollha fdati b’kariga eżekuttiva għolja jkunu soġġetti għas-superviżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, u għalhekk dan għandu jkollu r-riżorsi u l-possibbiltajiet xierqa biex iwettaq inkjesti u jipproponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, u (ii) il-ġurisdizzjoni tal-Kummissarju testendi għal sitwazzjonijiet li jkunu għaddejjin anki meta dawn jirriżultaw minn azzjonijiet li jmorru lura qabel l-adozzjoni tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.”

Ma nafu bl-ebda evidenza ta’ xi azzjoni mill-gvern biex jimplimenta dawn il-miżuri, minkejja l-fatt li, bir-raġun kollu, l-esperjenza tal-pajjiż fl-aħħar tmien snin tagħmel dawn ir-riformi tant urġenti.