Il-pajjiżi li għandhom leġiżlazzjoni kontra l-mafja (bħad-dispożizzjoni Taljana 416bis17 fil-kodiċi kriminali ta’ dak il-pajjiż u l-hekk imsejjaħ “Racketeer Influenced and Corrupt Organisations Act”18 fl-Istati Uniti), jiddefinixxu organizzazzjoni tat-tip tal-mafja bħala organizzazzjoni li l-membri tagħha jużaw is-setgħa tal-intimidazzjoni minn rabtiet ta’ sħubija, l-istat ta’ ħakma, u kultura ta’ segretezzi li din trawwem, biex jitwettaq reat, biex jinkisbu kontroll dirett jew indirett fuq attivitajiet ekonomiċi, liċenzji, awtorizzazzjonijiet, kuntratti tal-akkwist pubbliku jew servizzi, jew biex jinkisbu qligħ jew vantaġġi għalihom jew għal ħaddieħor, jew biex jiġi evitat jew jitfixkel l-eżerċizzju liberu tal-vot, jew biex jinkisbu voti għalihom jew għal ħaddieħor fl-elezzjonijiet.

Is-sħubija f’organizzazzjoni bħal din hija minnha nnifisha reat punibbli anke jekk ma tkunx tista’ tinkiseb rabta diretta bejn persuna mafjuża u l-eżekuzzjoni ta’ xi reat imwettaq mill-mafjużi f’isem l-organizzazzjoni. Il-penali jiġu aggravati jekk jinstab li l-membri tal-organizzazzjoni għandhom aċċess għal armi jew splussiv bil-għan li jmexxu ’l quddiem l-għanijiet tal-organizzazzjoni

In-nuqqas tal-possibbiltà legali li jiġu segwiti membri komponenti ta’ organizzazzjoni kriminali organizzata li s-sħubija u l-assoċjazzjoni tagħhom tista’ tiġi ppruvata, anke jekk l-involviment dirett tagħhom fl-ikkummissjonar jew fl-eżekuzzjoni ta’ reat speċifiku mwettaq f’isem dik l-organizzazzjoni ma jistax jiġi ppruvat, jirriskja li l-persuni li bir-raġun kollu għandhom jinżammu responsabbli għal dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia, ikunu jistgħu jeħilsuha ħafif.

M’hemmx dubju li d-delitt – li temm ħajjet Daphne Caruana Galizia – hu att kriminali mill-aktar gravi li jeżiġi l-aktar konsegwenza gravi. Iżda l-qtil ma jistax jinfired mill-akkwist pubbliku korrott, mill-ħasil tal-flus, mit-tixħim u mill-manipulazzjoni tal-voti li wasslu għall-qtil ta’ Daphne talli kixfet. Daphne nqatlet biex l-attivitajiet l-oħra ta’ din l-organizzazzjoni jibqgħu għaddejjin mingħajr xkiel. Minbarra l-persuni li bil-provi kienu involuti direttament fil-qtil ta’ Daphne, il-konsegwenzi u l-kastig għandhom ibatuhom ukoll dawk kollha li l-qligħ illeċitu u l-influwenza elettorali tagħhom kienu protetti bil-qtil tagħha.

Jekk il-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ din il-xibka kriminali organizzata tissejjes fuq elementi u manifestazzjonijiet limitati tal-azzjoni tal-mafja, mingħajr ma titqies l-eżistenza tal-mafja minnha nnifsha, l-istess xibka tkun qed titħalla attiva relattivament mingħajr konsegwenzi.

Sakemm il-liġijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jiċħdu l-eżistenza tal-mafja u ma jirrikonoxxux li s-sempliċi eżistenza tagħha hi theddida għall-vijabbiltà tal-Istat Malti stess, qatt mhu se jirnexxilna nindirizzaw ix-xibka vjolenti li ħakmet lil pajjiżna.

Din mhix dwar persuna li qatlet ġurnalista għax kienet waslet biex tesponi s-sigrieti tagħha. Jew minflok, din mhix sempliċiment dwar hekk. Din tikkonċerna organizzazzjoni li timmanipula r-relazzjoni bejn l-interessi privati u s-settur pubbliku, b’mod sistematiku u sigriet, għall-gwadann tagħha.