Repubblika tilqa’ t-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi bħala pass fit-triq twila u iebsa lejn il-verità u l-ġustizzja.

Nilqgħu l-fatt li wara snin li fihom ġejna redikolati u mhedda, issa l-pajjiż qed jirrealizza dak li ilna ngħidu: li għandna mafja li ħakmet il-poter.
Biss hemm bżonn noqgħodu attenti.

L-ekosistema ta’ korruzzjoni u impunità li żviluppat u ħakmet lil pajjiżna hija ferm akbar minn Konrad Mizzi.

Fil-waqt li aħna nemmu li huwa ikkontribwixxa għaliha u huwa għandu jirrispondi għal għemilu, aħna jidhrilna li Konrad Mizzi huwa wkoll sintomu ta’ din il-marda li qed tifni lil Malta.

Huwa inutli li nippruvaw nirtokkaw xi ħaġa msewsa jew inbajdu dar mingħajr pedamenti. Il-problema fundamentali ta’ pajjiżna qiegħda fil-fond, fejn ma jidhirx.

Jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ li nagħrfu għalfejn l-istituzzjonijiet tagħna jipparliżżaw ruħhom quddiem min għandu l-poter politiku jew finazjarju.

Hemm bżonn noħorġu fil-beraħ l-interdipendenza u r-relazzjoni inċestwa u qerrieda bejn il-politiċi u l-business.

Jeħtieġ nirrikonoxxu il-manipulazzjoni, kemm dik goffa kif ukoll dik sottili, tal-mezzi tal-informazzjoni minn dawk li għandhom il-poter politiku u finanzjarju.

Konrad Mizzi għamel dak li għamel għax kien hemm Joseph Muscat, Keith Schembri, Nexia BT, uffiċjali fil-Pulizija li m’għamlux xogħolhom, istituzzjonijiet tal-Istat maħkuma, businessmen lesti jħamġu u jitħammġu, ċittadini li jippreferu ma jiftħux ħalqhom sakemm qed jieklu, korpi kostitwiti imexxija aktar mill-biża’ u l-interess settorjali, sezzjonijiet tal-media li jagħżlu li jħarsu n-naħa l-oħra, klassi politika inkompetenti, mixtrija jew li tħares biss sal-kaxxa tal-vot.

Neħtieġu onestà dwar dak li qed iwassal biex nibdew it-triq mill-ħofra li ninsabu fiha.

Repubblika ttenni s-sejħa biex minnufih tinbeda investigazzjoni konġunta bejn il-Europol u l-Pulizija ta’ Malta fl-assassinju ta’ Daphne u fil-korruzzjoni li kienet il-kawża tal-qtil tagħha. L-Avukat Ġenerali għandu jaqta’ l-iskużi. Dan il-pass hu fil-poter u fir-responsabbilta tiegħu u m’għandu bżonn ‘il ħadd jiġbidlu l-ispaga biex jagħmel dmiru.