Il-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu quddiem il-poplu Malti li jippubblika b’mod sħiħ u immedjat il-ftehim skandaluż li Konrad Mizzi iffirma mal-kumpanija SOCAR dwar ix-xiri tal-gas għall-power station.
Dan il-ftehim kien iffirmat fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt żjara fl-Azerbaijan. Għal din iż-żjara Keith Schembri u Kurt Farrugia biss kienu preżenti, waqt li inħbiet mill-ġurnalisti.
Ir-rivelazzjonijiet minn The Shift News, mibnija fuq emails li kienu mgħoddija lil Daphne Caruana Galizia, jikxfu xibka ta’ ħabi u ħmieġ li Robert Abela huwa obbligat li jindirizza.
Jumejn oħra jaħbat it-tielet anniversarju tal-qtil ta’ Daphne. L-iskandlu li ħareġ illum ikompli jikkonferma il-ħtieġa li ssir inkjesta indipendenti dwar il-kuntratt maħmuġ tal-għoti tal-power station u l-obbligu li għandhom is-sidien tal-Electrogas li jindirizzaw dan il-ħmieġ.
Il-ħmieġ u l-korruzzjoni qatlu lil Daphne.
Repubblika tfakkar lil Robert Abela u lis-sidien tal-Electrogas li min ma jagħmel xejn quddiem il-korruzzjoni, huwa korrott hu wkoll.