📷The Shift News

Repubblika tistqarr li:

  1. Mhux biżżejjed li l-Prim Ministru keċċa lil Clayton Bartolo. La qed jgħid li ma tkeċċiex minħabba dak li sab il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika imma minħabba raġuni oħra, lanqas ħaġa li messu jagħmel il-Prim Ministru hu li jispjega r-raġuni x’inhi. Il-gvern hu obbligat jagħti kont t’għemilu lill-Parlament u lill-pubbliku. Minflok, mill-ġdid se jkollna noqgħodu fuq il-ġurnalisti biex nifhmu x’jagħmlu l-ministri bil-moħbi.
  2. Iż-żamma ta’ standards għoljin ta’ mġieba fil-ħajja pubblika hi importanti wkoll għax għandna kull raġun nippretendu li min jingħata l-poter politiku jkun persuna ta’ valuri u leali lejn il-poplu. Kull darba li l-Prim Ministru jiddefendi lill-ministri tiegħu li jġibu ruħhom ħażin bl-iskuża li qed jaqbdu magħhom “l-estremisti” ta’ Repubblika, Robert Abela jwaqqa’ aktar ‘l isfel l-istandards tal-imġieba. Mhux ta’ b’xejn li lil min jgħattilu xturu llum, għada jinqabad ifotti b’xi ħaġa akbar.
  3. Anke jekk ir-raġuni mistura għat-tkeċċijja ta’ Clayton Bartolo hi aktar serja, is-sejbiet tal-Kummissarju għall-Istandards missu jkollhom konsegwenzi serji. Il-Ministru Clint Camilleri għandu jirreżenja minnufih.
  4. Il-Prim Ministru Robert Abela ħareġ jgħid li se jiddefendi lill-persuni indikati fir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards li kienu involuti fid-deċiżjoni li l-mara ta’ Clayton Bartolo tingħata paga għal xogħol li m’għamlitx minn kull stħarriġ tal-pulizija. L-iskuża ta’ Abela hi li l-investigazzjoni tal-pulizija se tkun qed issir għax “l-estremisti” ta’ Repubblika talbu lill-pulizija jinvestigaw. Mhux estremiżmu li titlob lill-pulizija tinvestiga suspett ta’ reat. Anzi, dan hu obbligu ta’ kull ċittadin onest. L-obbligu tal-Prim Ministru hu li jara li l-liġi tkun tgħodd l-istess għal kulħadd, mhux isir l-avukat tal-ħbieb tiegħu. Dak hu li jfisser li jsaltan id-dritt mhux l-abbuż tad-delinkwenti.