📷Xellug għall-lemin: Emanuel Delia (Repubblika Executive Officer), Paula Fleri Soler (Repubblika Treasurer), Edward Warrington (Repubblika Executive Committee member), Charles Deguara (Auditor General), Vicki Ann Cremona (Repubblika President), Judge Emeritus Joseph Zammit McKeon (Ombudsman), Chief Justice Emeritus Joseph Azzopardi (Commissioner for Standards in Public Life), Sandro Rossi (Repubblika Executive Committee member), Renato Camilleri (Repubblika Vice President)

Fil-Jum Dinji Kontra l-Korruzzjoni, Repubblika tfakkar il-ħtieġa ta’ alleanza ċivika biex niddefendu l-integrità fil-ħajja pubblika.

F’laqgħa llum tal-kumitat u uffiċjali ta’ Repubblika mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet li jiddefendu l-integrità, il-president tal-għaqda Vicki Ann Cremona rringrazjat lill-Ombudsman Joseph Zammit McKeon, lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Joseph Azzopardi, għall-isforzi tagħhom biex tkun miġġielda l-korruzzjoni.

Il-Professur Cremona fakkret li l-ewwel priorità identifikata minn Repubblika fl-istrateġija tagħha kontra l-korruzzjoni tibqa’ l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet siewja li saru mill-Inkjesta Pubblika wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u minn istituzzjonijiet internazzjonali f’dawn l-aħħar snin. “Ma jistax ikun li nibqgħu nagħmlu tabirruħna li m’għandniex sfida serja minħabba korruzzjoni endemika fl-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna,” qalet Vicki Ann Cremona. “Ma jistax ikun li r-riformi fil-liġijiet tagħna u fil-proċessi amministrattivi li huma tant meħtieġa jibqgħu jitħallew jiġmgħu t-trab.”

Biex niġġieldu l-korruzzjoni bis-serjetà rridu naġġornaw id-definizzjonijiet fil-liġi biex nikkastigaw lil min jabbuża mill-poter tiegħu biex japprofitta ruħu llegalment jew biex ifixkel il-kors tal-ġustizzja. Neħtieġu liġi li tarma lill-istat biex jiġġieled il-kriminalità organizzata li tuża l-korruzzjoni biex tisraqna lkoll. Neħtieġu regoli aġġornati dwar il-lobbying li jsir mal-ministri u d-deputati tal-parlament; regoli dwar imġieba etika għall-persuni ta’ fiduċja mqabbda mill-ministri; u regoli ċari dwar min jitlaq xogħol fil-politika biex l-għada jiġi impjegat mill-persuni u l-kumpaniji li suppost kien qed jgħasses fuqhom meta kien fil-gvern.

Il-Professur Cremona tenniet l-appell ta’ Repubblika għal liġi ġdida dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi biex inneħħu l-finanzjament moħbi li jkun ġej minn nies li fi ħsiebhom hemm li jikkorrompu s-sistema politika tagħna. Minflok, Repubblika targumenta għal finanzjament pubbliku tad-demokrazija tagħna li jkun ġust, proporzjonat, u bis-salvagwardji kollha meħtieġa.

Repubblika llum issieħbet mal-organizzazzjonijiet anti-mafja ta’ madwar l-Ewropa magħha msieħba fin-network CHANCE biex tfakkar il-Jum Dinji Kontra l-Korruzzjoni.

Fil-laqgħa tal-lum mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet li jiddefendu l-integrità sar skambju ta’ ħsibijiet dwar kif is-soċjetà ċivili tista’ tkun ta’ aktar appoġġ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi ssaħħaħ l-għassa li tagħmel fuq nies fil-ħajja pubblika, u kif tiddenunzja u taġixxi kontra l-korruzzjoni kull fejn tinstab.

L-Istrateġija u l-Manifest ta’ Repubblika Kontra l-Korruzzjoni – “Niddefendu l-Integrità” – kien ippubblikat fil-5 ta’ Ottubru 2024.