Ninnotaw li minkejja l-osservazzjonijiet fiergħa tal-Prim Ministru Robert Abela dwar is-suppost “checks and balances” bejn il-friegħi Kostituzzjonali, il-gvern għażel propju issa biex jagħti vaganza estensiva lill-Parlament.
Dan hu żmien delikat u potenzjalment perikoluż għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet tagħna. Il-Qrati qed jintalbu jeżaminaw imġieba allegatament kriminali ta’ uffiċjali u eks-uffiċjali għolja tal-gvern. Fl-istess waqt jinsabu taħt attakk oxxen mill-Prim Ministru u mill-partit fil-gvern.
Hu d-dmir tat-tielet fergħa – il-Parlament – li tgħasses fuq il-komportament tal-gvern u li tieħu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex tassigura li l-gvern iħalli ‘l-istituzzjonijiet jaħdmu u tipproteġihom mit-theddid.
Imħassbin nisimgħu d-diskors dejjem aktar radikalizzat u mimli theddid vjolenti mill-esk-prim ministru Joseph Muscat li flok qed ilesti d-difiża tiegħu bħal kull persuna oħra li tiġi akkużata quddiem il-Qrati, qed juża l-poter politiku tiegħu biex jiskredita u jintimida lill-Qrati. Flok jiqaflu u jiddefendi lill-Qrati, Robert Abela qed jgħinnu.
Issa l-gvern għalaq il-bibien tal-Parlament biex jassigura li ebda istituzzjoni ma jkollha l-mezz li twaqqfu jew imqar ittaffi l-eċċessi li qed nidħlu fihom. Robert Abela qed jagħlaq ħalq lill-Parlamentari, speċjalment dawk mill-partit tiegħu, li b’lealtà lejn id-demokrazija jistgħu jazzardaw jesprimu xi dubju fuq il-kondotta tiegħu.
Nesprimu l-kundanna taghna li f’dan iż-żmien tant delikat anqas Parlament m’għandna biex jiddelibera kif għandha titħares is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
L-egħluq prematur tal-Parlament hu sinjal ieħor serju tat-tkattir tal-awtokrazija u tat-tmermir tad-demokrazija tagħna.