Aħna mħassbin bil-kbir bl-istqarrijiet awtoritarji u faxxisti tal-Prim Ministru Robert Abela. Kliemu kien imtenni minn ministri anzjani tal-gvern, inklużi l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, u ħafna esponenti tal-Partit Laburista li mmirraw il-kampanja tagħhom fuq membru tal-ġudikaturi li lestiet inkjesta kriminali u tat direzzjoni biex jitressqu eks-uffiċjali għolja tal-Partit Laburista inklużi l-eks-prim ministru Joseph Muscat, l-allura kap tal-uffiċju tiegħu Keith Schembri u l-eks-ministru tas-saħħa Konrad Mizzi fost ħafna oħrajn. Konsegwentament dan l-attakk qed isir fuq kull uffiċjal pubbliku fil-ġudikatura, fil-pulizija, u fis-servizz tal-prosekuzzjoni li jaġixxu skont il-liġi fuq dak li sabet l-inkjesta.
Anke qabel feġġet l-aħbar li ntemmet l-inkjesta, il-Prim Ministru Robert Abela beda kampanja pubblika, ippjanata, u qawwija li poġġa fil-mira lill-maġistrat inkwirenti u għamilha “membru tal-establishment” u akkużaha b’mod dirett li wettqet tpattijja partiġġjana fuq Joseph Muscat u fuq il-Partit Laburista. Ħafna uffiċjali tal-gvern irrepetew dan il-kumment u bdew kampanja online u fid-dinja fiżika ta’ vittimizzazzjoni tal-maġistrat inkwirenti. Il-mezzi tal-Partit Laburista ppubblikaw ritratti tal-maġistrat inkwirenti, u poġġewha fil-mira tal-mibgħeda u l-intimidazzjoni u esponewha għal riskju ċar ta’ vjolenza.
Qed nerġgħu naraw sforz organizzat mill-Uffiċju tal-Prim Ministru u mmexxi mill-persuna li tokkuppah, biex jiskredita kull min jieħu l-provi ta’ tixħim u korruzzjoni għall-konklużjoni loġika u legali tagħhom, billi jheddidhom, jintimidahom, u jara li n-nies li hemm suspett raġjonevoli fuqhom li wettqu reati u korruzzjoni u n-nies fil-politika li huma qrib tagħhom jibqgħu jgawdu l-impunità. L-Inkjesta Daphne Caruana Galizia sabet li din l-imġieba kkawżat il-qtil tagħha li għalih l-Inkjesta sabet l-istat Malti responsabbli.
Pubblikament il-Prim Ministru Robert Abela asserixxa li għax hu jmexxi l-fergħa eżekuttiva, għandu r-rwol li jkun “check and balance” fuq il-ġudikatura. Dan hu poter li l-kostituzzjoni, li trid is-separazzjoni tal-poteri, espliċitament ma tridx li jkun f’idejn l-eżekuttiv, speċjalment meta wieħed iqis li dan l-intervent oxxen tal-gvern irid li jipproteġi lil individwi b’poter politiku mill-prosekuzzjoni kriminali. L-imġieba tal-Prim Ministru hi assalt oxxen fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq is-saltna tad-dritt.
Bħala attivisti tas-soċjetà ċivil li naħdmu għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt, ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem din l-agressjoni tal-prim ministru fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq il-prinċipju li kulħadd l-istess taħt il-liġi biex jipproteġi l-interessi tiegħu u tal-partit tiegħu. Ser nirreżistu dan l-attakk u se niddefendu lill-uffiċjali tal-istat li għandhom kuxjenza.