Repubblika u l-għaqdiet differenti tas-soċjetà ċivili li qed jieħdu sehem itennu l-appell tagħhom liċ-ċittadini li jixtiequ li ssaltan il-legalità f’pajjiżna biex iseħbuna għad-dimostrazzjoni tal-lejla il-Ħamis 16 ta’ Mejju li se tibda minn biswit it-Teatru Rjal fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta.

Ser ninġabru llelja biex nesprimu l-kundanna tagħna għall-attakk li għaddej fuq il-membri tal-ġudikatura u fuq il-ġurnalisti, li qed jiġu mhedda sempliċiment għax qed jaqdu l-funzjoni tagħhom f’demokrazija fejn suppost isaltan id-dritt.

Ser intennu s-sejħa tagħna biex tinġarr ir-responsabbiltà politika u istituzzjonali kif inhu mistenni li jiġri f’kull demokrazija normali meta uffiċjali pubbliċi u persuni fil-politika jiġu akkużati mill-istat b’reati gravi.

Ser intennu l-appoġġ tagħna u nġeddu l-impenn tagħna li nipproteġu b’kull mezz li nistgħu lill-uffiċjali pubbliċi u lill-qaddejja leali tal-istat Malti li jaqdu dmirhom b’integrità u b’lealtà lejn il-ħaqq u s-sewwa.

Ser intennu l-impenn tagħna li se nagħmlu kull ma nistgħu biex ma nħallux l-inkjesta tiġi imminata minn dawk li jew għax għamlu ħażin huma jew għax il-ħażin ta’ ħaddieħor jista’ jimbarazzahom qed jagħmlu minn kollox biex jostakolaw il-ġustizzja.

Il-kelliema tal-lejla se jkunu Pia Zammit (Repubblika, occupyjustice), Norman Vella, Sarah Xuereb (Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ), Robert Louis Fenech (Moviment Graffitti), Vicki Ann Cremona (President, Repubblika), Luke Bonanno (Kunsill tal-Istudenti Universitarji), Robert Aquilina (President Onorarju, Repubblika).

Id-dimostrazzjoni tal-lejla imsejħa minn Repubblika għandha l-appoġġ ta’ dawn il-21 entità tas-soċjetà ċivili:

UĦM The Voice of the Workers
Aditus Foundation
KSU – Kunsill tal-Istudenti Universitarji
Occupy Justice
Vuċi Kollettiva
Fondazione Falcone
manueldelia. com
The Daphne Caruana Galizia Foundation
Għaqda Studenti tat-Teoloġija
SOS Malta
Moviment Graffitti
Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ
ICT Students’ Association
Medical Biochemistry Students Association
Media & Knowledge Sciences Association
jef Malta
SDM – Studenti Demokristjani Maltin
PEN Malta
Żgħażagħ Ħaddiema Nsara
Kopin
Victims Support Malta
Blue Door Education