Repubblika tesprimi stmerrija u kundanna għall-kummenti tad-Deputat Justin Schembri li niżżel f’lista waħda in-nomi “ħmieġ”, “żdingar” u “Indjani”. Din hi stqarrija li tneżża’ l-bnedmin mid-dinjità umana tagħhom, u titfagħhom f’kategorija ma’ oġġetti oħra mingħajr ruħ. Ebda bniedem m’għandu jitqies “ħmieġ” jew jitqabbel miegħu sempliċiment għax jappartjeni għal xi razza jew xi grupp ta’ bnedmin oħra.
Minn individwu privat, dan hu kumment injorant, frott il-mibgħeda u l-preġudizzju razzjali.
Minn politiku, Deputat Parlamentari, u aspirant ministru tal-edukazzjoni, il-kummenti ta’ Justin Schembri huma theddida espliċita, diskriminatorja u razzista.
Meta ngħata l-opportunità mill-ġurnalisti li jsewwi parti mill-ħsara li għamel, Justin Schembri baqa’ jinsisti li l-kumment razzist tiegħu kien ġustifikat.
Mhux ġustifikat. Ir-razziżmu u min iħaddnu m’għandhomx post leġittimu fil-politika f’demokrazija. Nikkundannaw dan l-aġir mingħajr riżerva.