Repubblika tirreferi għar-rappurtaġġ li deher f’Times of Malta llum dwar persuna li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija w użata bħala għodda għall-kriminalità organizzata fuq skala globali.

Dan hu episodju ieħor minn sensiela twila li juru li qed inbiegħu ċ-ċittadinanza tagħna lil nies li ma jridu xejn minn Malta ħlief li tgħinhom jaħbu l-intenzjonijiet u l-attivitajiet kriminali tagħhom. Meta nagħmlu hekk infittxu l-flus li ndaħħlu u ninjoraw lill-vittmi tal-kriminalità organizzata minn madwar id-dinja.

Il-gvern Malti hu sodisfatt li l-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qabel miegħu li mhix kompetenza Ewropea li tindaħal lil min Malta tagħmel ċittadini. U l-gvern Malti qed jantiċipa li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tirratifika din il-fehma.

Il-fatt li ċ-ċittadinanza hi fil-kompetenza tal-gvern Malti ma jfissirx li l-bejgħ taċ-ċittadinanza lil nies li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ Malta hu xi ħaġa tajba. Intennu kif għamilna dejjem li hi l-fehma tagħna li l-bejgħ taċ-ċittadinanza jiżnatura ċ-ċittadinanza nfisha. Minflok appartenenza għal repubblika u għal komunità ta’ obbligi u drittijiet, il-gvern tagħna ġab iċ-ċittadinanza tagħna xi ħaġa li tinbiegħ u tinxtara lil u minn min irid jużaha biex jisraq, iqarraq u jaħbi l-flus li seraq.

Intennu l-appell tagħna li l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija jieqaf darba għal dejjem.