L-attivitajiet tagħna din is-sena b’konnessjoni mas-16 ta’ Ottubru

Kif żgur qegħdin taraw, illum Repubblika ħabbret l-avvenimenti kollha li qiegħda torganizza madwar is-16 ta’ Ottubru 2024. It-tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia mhijiex biss waħda ta’ niket, iżda wkoll ta’ tama fil-ġustizzja f’Malta, tifkira ta’ ħajjet ġurnalista u ta’ xogħolha. Huwa għalhekk li Repubblika għandha d-dmir u d-determinazzjoni li tirrispetta dak li ordnat il-Qorti, cioè projbizzjoni ta’ kitba, dikjarazzjonijiet jew diskussjonijiet pubbliċi fuq il-mezzi tax-xandir u il-mezzi socjali, dwar ir-reat u dwar il-persuna tal-akkużat in konnessjoni mar-reat.

Kif tafu, Repubblika kull sena tfakkar lil Daphne bħala gurnalista u xogħolha fis-16 ta’ Ottubru, u din is-sena mhijiex se tonqos milli tagħmel dan, skont dak li huwa permess mill-Qorti. Għalhekk l-attivitajiet kollha li se torganizza mhumiex se jiġu mxandra fuq il-mezzi socjali, kif isir is-soltu, iżda qegħdin nitolbu lil kull min huwa interessat, biex jiġi u jippartecipa personalment. Huwa importanti ħafna li kull waħda u wieħed minna li jemmen fil-kawża ġusta jiġi jisma’ lill-kelliema li aħna stedinna minn Franza u mill-Italja, kif ukoll jipparteċipa fl-attivitajiet tagħna li se jsiru il-Bidnija u l-Belt. Kif għidt qabel, dawn mhumiex se jiġu mxandra u għalhekk, il-preżenza tagħkom magħna hija aktar importanti minn qatt qabel. Se jkollna konferenza bl-Ingliż mill-magħrufa ġurnalista televiżiva Franciża Françoise Laborde, diskussjoniji madwar mejda ta’ diversi intellettwali u ġurnalisti Maltin, tifkira il-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru fit-3 ta’ wara nofs inhar organizzata minn OccupyJustice, quddiesa fil-għaxija, u wara, marċ ta’ tifkir u velja quddiem il-qorti, fejn se jitkellem ukoll vittma tal-‘Ndrangheta. Għandna ukoll dokumentarju li se jixxandar fil-magħluq għal dawk li jixtiequ jarawh. Araw il-programm komplut fuq Facebook u l-webpage tagħna.

Kif tafu, dawn l-attivitajiet jiswew ħafna flus, u għalhekk, nitolbukom tibqgħu tkunu ġenerużi magħna biex inkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż li huma tassew ħafna, billi tagħtu donazzjoni fuq is-sit ta’ crowdfunding fundrazr.com/Daphne-7Years. Nirrigrazzjawkom tal-ġenerożita’ tagħkom, u aktar u aktar, tal-preżenza tagħkom f’dawn il-jiem.

Vicki Ann Cremona
President