Grazzi talli għal darb’oħra nġbartu hawn biex flimkien, waqt li nfakkru lis-Sinjura Daphne Caruana Galizia, inġeddu l-impenn tagħna biex tissaffa u tiġġedded ir-Repubblika ta’ Malta.
L-attivitajiet tagħna aktarx jintemmu bl-Innu Malti. Il-lejla ser nibda billi nfakkarkom fi kliem l-Innu Malti. Din it-talba, li saret it-talba uffiċjali tal-Poplu Malti u tal-iStat Malti, tiġbor fiha l-elementi ta’ patt jew alleanza bejn l-iStat u l-Poplu. Fil-21 ta’ Settembru 1964, it-talba ta’ Dun Karm issarrfet fil-Kostituzzjoni ta’ Malta sovrana. L-ewwel erba’ kapitli tal-Kostituzzjoni iħaddnu l-elementi kollha ta’ patt bejn Stat u Poplu. L-ewwel Kapitlu jitkellem fuq l-għamla u l-karattru tal-iStat u l-Poplu; it-tieni Kapitlu jiġbor fih il-prinċipji li għandhom jitħaddmu fil-policies tal-gvern; it-tielet Kapitlu jitkellem – jew kien jitkellem – fuq iċ-ċittadinanza, sakemm il-politiċi ħatfu l-prinċipji kostituzzjonali u għamlu ċ-ċittadinanza oġġett għall-kummerċ bejn l-iStat u barranin sinjuruni. Ir-raba’ Kapitlu jitkellem fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem.
Bosta Maltin iħossu li hemm elementi tal-iStat li ttradew il-patt kostituzzjonali, billi jimminaw is-saltna tad-dritt, jisfurmaw it-tifsira u l-prattika tad-demokrazija, u jisirqu mill-ġid komuni biex jaqdu interessi privileġġjati. Għal dawn l-elementi, ċ-ċittadinanza ma tfisser xejn għajr flus għall-kaxxa ta’ Malta jew voti għal partit politiku. L-idea li ċ-ċittadin jeżerċita d-drittijiet ċiviċi tiskomodhom, għaliex thedded il-privileġġi li ikkapparraw. Min inħatar biex iħares il-ġid komuni u jaqdi l-Poplu aktarx sar jippretendi li hu l-padrun tal-iStat, u l-Poplu l-qaddej.
Għalhekk, dan l-aħħar rajna sensiela ta’ stqarrijiet u miżuri leġislattivi maħsubin biex jitnaqqru l-libertajiet ċiviċi: it-tmaqdir tal-ġudikatura u tal-Ombudsman; diskorsi dwar it-trażżin tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għaliex ‘skadielhom żmienhom’; il-liġi li effettivament ċaħħdet l-aċċess taċ-ċittadin għall-inkjesti maġisterjali; tħeddida li jsir l-istess bl-aċċess taċ-ċittadin għall-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika; u dak li jista’ jkun manipulazzjoni tal-konfini elettorali. Pajjiżna għaddej minn żmien imdallam; il-pedamenti tar-Repubblika ta’ Malta qegħdin jiddgħajfu – il-Kostituzzjoni min-naħa, is-saħħa taċ-ċittadin quddiem il-qawwa tal-iStat min-naħa l-oħra.
L-għaqda Repubblika u sħabna fis-soċjetà ċivili nissieltu kontra t-tnaqqir tad-drittijiet ċiviċi, ir-restrizzjonijiet fuq il-ħajja demokratika u l-arroganza ta’ min jabbuża mis-setgħat ta’ karigi pubbliċi għoljin. Mhux hekk biss: aħna naħdmu wkoll biex jiġġedded il-patt kostituzzjonali, u noffru proposti riċerkati u maħsubin dwar riformi istituzzjonali. Permezz ta’ formazzjoni għall-attivisti ngħinu biex il-Poplu jagħraf id-dinjità sħiħa taċ-ċittadinanza u jitgħallem iħaddem id-drittijiet, il-virtujiet u d-dmirijiet marbutin magħha.
Ta’ dan, hemm min jgħajjarna ‘estremisti’, ‘terroristi’ jew ‘tradituri’. M’aħniex estremisti, imma l-għanijiet tagħna huma radikali: nixtiequ w irridu li l-patt kostituzzjonali bejn Stat u Poplu, bejn min jiggverna u ċ-ċittadin jiġġedded mill-għeruq. M’aħniex terroristi: aħna nħaddmu d-drittijiet ċiviċi li tħares il-Kostituzzjoni u l-meżżi li tagħtina l-Liġi. Lanqas ma aħna tradituri: għall-kuntrarju, l-attivisti fi ħdan is-soċjetà ċivili jissieltu biex is-sewwa jirbaħ l-ingann, biex id-dinjità umana tirbaħ l-arroganza tas-setgħana, biex il-ġid komuni ma jinsteraqx minn interessi privati. Niċħdu l-akkuża li aħna estremisti, imma kburin li aħna radikali!
Din il-pjazza, l-iżgħar waħda fil-Belt, tinkarna r-radikaliżmu tas-soċjetà ċivili. Il-bini, l-monumenti u x-xbiehat li jinsabu hawn jixhdu l-virtujiet radikali li jħaddmu ċittadini ħielsa fi Stat liberali: San Ġwann, xbieha tal-fiduċja fundamentali fil-kobor tal-bniedem maħluq fix-xbieha u s-sura ta’ Alla; il-Qorti, tarka tal-ġustizzja. It-tliet figuri fil-monument tal-Assedju l-Kbir jirrappreżentaw il-fidi, il-qawwa u r-rebħa taċ-ċiviltà fuq il-jasar. Ix-xbiehat tas-Sinjura Caruana Galizia jfakkruna, minn banda fil-prezz qares li jista’ iħallas min jissielet għas-sewwa u l-ħelsien; mill-banda l-oħra, jispirawna u jistiednuna biex inġeddu l-impenn tagħna. Ikun xieraq li, għall-anqas bejnietna, din il-pjazza tissejjaħ il-Pjazza tal-Poplu, jew aħjar, il-Pjazza tal-Virtujiet Ċiviċi.
Kull tant żmien l-għejja w il-qtiegħ-il qalb jistgħu jmewwtu l-ħeġġa u l-impenn. Fl-ewwel snin, l-għaqda Repubblika rebħet bosta battalji li ġabu bidliet importanti fil-ħajja politika u l-qafas istituzzjonali tal-iStat. Illum dak iż-żmien għadda; ħraxet il-kampanja kontra s-soċjetà ċivili u tneħħew uħud mill-għodod ewlenin li stajna nużaw. Fil-fehma tiegħi qegħdin fi żmien ta’ tranżizzjoni li jitlob strateġiji ġodda biex naslu fejn nixtiequ.
Pajjiżna jeħtieġ politika li tgħaqqad flok li tifred, li tibni flok li tkisser, li tiddixxerni aktar milli tikkustinja. Ir-retorika, l-imġieba u l-għażliet ta’ Repubblika jistgħu juru triq li twassal għat-tiġdid tal-politika f’Malta u Għawdex.
Pajjiżna jgawdi jekk iċ-ċittadin japprezza u jappoġġa l-istituzzjonijiet li jħarsuh mill-abbuż tal-poter – il-Qrati, qabel kollox, l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, u l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni. Hawn ukoll, is-soċjetà ċivili tista’ tagħmel ħafna ġid, permezz ta’ riċerka dwar l-istituzzjonijiet, it-tmexxija fil-ħajja pubblika, monitoraġġ tal-kwalità tal-governanza, u appoġġ morali għal min iġarrab kritika inġusta, attakki u theddid talli jaqdi dmiru fl-istituzzjonijiet li semmejt.
Fuq kollox, is-soċjetà ċivili hija l-benniena ta’ ċittadini tabilħaqq attivi, tabilħaqq sħab mal-politiċi fit-tfassil tal-ġejjieni tagħna lkoll, tabilħaqq għassiesa tad-demokrazija u bennejja tal-ġid komuni. Ma nfittxux li nieħdu post id-deputati parlamentari jew il-ministri, imma nesiġu li jiddjalogaw, li jseħbuna fl-għażliet il-kbar li hemm quddiem pajjiżna, u li jagħtu rendikont sħiħ ta’ dak li jagħmlu u li jaqilgħu waqt li huma uffiċjali tal-iStat.
Biex dan kollu jseħħ, għandna nibqgħu niltaqgħu hawnhekk, fil-Pjazza tal-Virtujiet Ċiviċi; nibqgħu nishru bl-imsiebaħ mixgħulin, bit-tama mġedda, wkoll fi żminijiet mudlama. Bdejt billi semmejt l-Innu Malti: ser naqgħlaq bil-ħolma tal-poeta Indjan, Rabindranath Tagore, li hi wkoll il-ħolma tiegħi u ta’ kull ċittadin ħieles fi Stat liberali:
Where the mind is without fear, and the head is held high;
Where knowledge is free;
Where the world has not been broken up into fragments by narrow domestic walls;
Where words come out of the depth of truth;
Where tireless striving stretches its arms towards perfection;
Where the clear stream of reason has not lost its way into the dreary desert sand of dead habit;
Where the mind is led forward by thee into ever widening thought and action;
Into that heaven of freedom, my Father, let my country awake.