“Tifkira, Paċi, u l-Libertà tal-Mediterran”
Diskors ta’ Renato Camilleri, Viċi President ta’ Repubblika
11 ta’ Ġunju 2025 – Monument tal-Qanpiena, Valletta
Wara nofsinhar it-tajjeb,
Qed ninġabru hawn illum taħt il-Monument tal-Qanpiena — monument solenni, simbolu ta’ sagrifiċċju, u sejħa għat-tifkira. Bħal-lum ħamsa u tmenin sena ilu, Malta daħlet fit-Tieni Gwerra Dinjija. Mhux għax riedet, mhux għax ipprovokat — imma bħala mira ta’ att vjolenti u deliberat ta’ aggressjoni faxxista.
L-ewwel bombi li ntefgħu fuq pajjiżna fil-11 ta’ Ġunju 1940 ma waqgħux biss fuq installazzjonijiet militari. Laqtu l-irħula u l-ibliet tagħna — djar, toroq, swieq, postijiet tax-xogħol u ta’ qima.
Iva, suldati mietu wkoll, u nonoraw il-memorja u s-servizz tagħhom. Iżda llum, niffukaw fuq il-pajżana — dawk li ma kinux libsin uniformi, dawk li ma ssieħbux biex jiġġieldu, dawk li kienu qegħdin sempliċement jgħixu ħajjithom.
Fosthom kien hemm:
- Carmel Galea, 40, minn Birkirkara.
- Joseph Ancilleri, minn Bormla.
- Doris Galea, ta’ ħames xhur biss, ukoll minn Bormla.
- Michael Camenzuli, 39, mill-Gżira.
- Mary u Lilian Doublet, omm u bint, ta’ 46 u 7 snin, mill-Gżira.
- Julian Micallef, 65.
- John Trapani, Rosina Vassallo, u Joseph Ellul — ċittadini, mhux suldati. Ġirien, mhux ġellieda.
Ma għexux biżżejjed biex jaraw il-faxxiżmu megħlub. Mietu fil-bidu, meta r-rebħa kienet għadha ferm ‘il bogħod — meta kien hemm biss biża’, konfużjoni, u telfa.
Illum, niftakru fihom — mhux bħala ismijiet imbiegħda fi ktieb tal-istorja, imma bħala simboli ta’ dak li għadu f’riskju fid-dinja tagħna. Għax it-tifkira mhix biss dwar il-passat. Hija att politiku — u dmir morali.
Li niftakru fil-vittmi tal-faxxiżmu jfisser li nirreżistu r-ritorn tiegħu — ikun f’liema forma jkun. Li nonoraw lill-mejtin tal-gwerra jfisser li nikkommettu ruħna għall-paċi — mhux biss paċi bħala nuqqas ta’ kunflitt, imma paċi mibnija fuq id-dinjità, il-ġustizzja, u l-liġi.
U fid-dinja tal-lum, fejn jippersistu l-vjolenza u l-awtoritarjaniżmu, it-tifkira titlob minna li nieħdu pożizzjoni. F’Repubblika, ilna ngħidu: il-ġlieda kontra l-faxxiżmu u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huma l-istess ġlieda. It-tnejn huma mibnija fuq il-biża’. It-tnejn ifittxu l-poter mingħajr ma jagħtu kont. It-tnejn jeqirdu s-saltna tad-dritt — u jittrattaw il-ħajja umana bħala xi ħaġa li tista’ tarmiha.
Għalhekk nemmnu li niftakru fil-vittmi tal-vjolenza mill-istat u fil-vittmi tal-vjolenza kriminali huma żewġ naħat tal-istess munita. Li nsejħu għall-paċi u niddefendu l-ġustizzja huma parti mill-istess responsabbiltà morali.
U għalhekk qegħdin hawn illum — mhux biss biex infakkru, imma biex nitkellmu.
Dan l-avveniment huwa parti minn appell usa’ — inizjattiva mnedija mill-ħbieb tagħna fil-Comunità di Sant’Egidio. Din il-komunità ħadmet bla waqfien għall-paċi f’xi wħud mir-reġjuni l-aktar diffiċli fid-dinja.
L-Appell għall-Paċi li se naqraw issa qed jitnieda f’diversi bliet madwar il-Mediterran — mhux kollha f’daqqa, imma f’mumenti separati, f’postijiet differenti, matul ix-xhur li ġejjin, belt wara l-oħra. Minn Palermo sa Beirut, minn Marsilja sa Tripli, minn Ateni sa Valletta — qed tikber vuċi kollettiva.
Vuċi li tgħid: Biżżejjed. Biżżejjed gwerra. Biżżejjed mibgħeda. Biżżejjed indifferenza.
L-appell jippreżenta viżjoni sempliċi imma qawwija:
- Li nissostitwixxu l-vjolenza bin-negozjar.
- Li niggarantixxu d-dinjità u s-sigurtà lil kull individwu, kull komunità, u kull fidi.
- Li nippromwovu d-djalogu u l-ftehim interkulturali.
- Li nipproteġu l-baħar u l-ambjent komuni tagħna.
- Li niftħu rotot legali u umani għal dawk li jaħarbu mill-persekuzzjoni u l-gwerra.
- Li niddedikaw ruħna għall-edukazzjoni bħala pedament tal-libertà.
Dawn mhumiex lussu. Huma neċessitajiet — il-minimu għal kull soċjetà li tgħid li tgħożż il-ħajja umana. U hekk kif nitkellmu dwar il-paċi llum, irridu nitkellmu wkoll dwar id-dinja kif inhi issa.
Naħsbu fiċ-ċittadini fl-Ukrajna, li ħajjiethom qed jiġu meqruda mill-invażjoni u l-assedju. Naħsbu fil-familji f’Gaża, li jisparaw fuqhom, jgħixu fil-biża’, mingħajr kenn mill-maltemp. Naħsbu f’dawk kollha li jbatu taħt it-terroriżmu, it-tirannija, l-okkupazzjoni, u l-aggressjoni militari. U ngħidu b’mod ċar:
Nikkundannaw kull aggressjoni, iwettaqha min iwettaqha. Nappellaw għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet — fl-Ukrajna, f’Gaża, u kull fejn il-gwerra serqet il-futur. Nappellaw għal impenn mill-ġdid għall-paċi — paċi vera, mhux mibnija fuq is-skiet tal-biża’, iżda fuq is-saħħa tal-ġustizzja.
Issa, b’għarfien sħiħ tal-istorja u r-responsabbiltajiet tagħna, induru lejn il-futur.
Naqraw flimkien l-“ Appell mill-ibliet tal-Mediterran għall-paċi u futur ta’ tama” — dokument li jesprimi dak li qlubna diġà jafu: Li l-baħar tagħna għandu jkun pont, mhux fruntiera. Li l-bliet tagħna għandhom ikunu postijiet ta’ kenn, mhux ta’ rifjut. U li d-dmir tagħna — lejn dawk li mietu, u lejn dawk li għadhom ħajjin — hu li nagħmlu l-paċi mhux ħolma, imma realtà.
Grazzi.
Appell mill-ibliet tal-Mediterran għall-paċi u futur ta’ tama
Lill-poplu tal-Mediterran, lill-popli u l-kulturi li jgħixu madwar dan il-baħar li jgħaqqadna, nippreżentaw dan l-appell tagħna għall-paċi.
L-ibliet tagħna dejjem kienu simboli ta’ laqgħa, skambju u koeżistenza paċifika. L-istorja, it-tradizzjonijiet, il-lingwi u l-valuri tagħna ilhom jintisġu flimkien għal sekli sħaħ. Għamlulna wiċċna simili, il-kultura tagħna plurali, u ċ-ċittadini tagħna aħwa. Għamlu l-baħar pont li jgħaqqad, mhux fruntiera li tifred, post li ngħaddu minnu u li fih nibnu futur komuni, possibbli għal kulħadd. Illum, hekk kif il-kunflitti u t-tensjonijiet qed jiżdiedu, aħna, l-ibliet tal-Mediterran, niddikjaraw li l-gwerra ma tistax tiġi skużata u li rridu naħdmu għall-paċi. Il-gwerra tagħmel id-dinja agħar, u tħalli warajha legat ta’ uġigħ, mibegħda u qerda. Bil-gwerra, kulħadd jitlef, anki r-rebbieħa.
Kemm minna ġew midruba bl-uġigħ mill-gwerra! Għalhekk ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem it-tbatija ta’ dawk sfurzati jgħixu taħt il-piż tal-kunflitt, l-inġustizzja jew il-korruzzjoni. Ma nistgħux inħallu l-ibliet tagħna, dwal fid-dlam ta’ tant tfittxijiet umani għall-libertà u l-paċi, isiru postijiet ta’ qerda u uġigħ. Ma nistgħux naċċettaw li l-portijiet tagħna jingħalqu u jsiru postijiet ta’ rifjut għal dawk li jaħarbu mill-gwerra meta għandhom joffru kenn sigur.
L-appell tagħna:
- Il-bidu ta’ negozjati li jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet ġusti u dejjiema fejn hemm kunflitt.
- Rispett lejn kull individwu, kull komunità u kull fidi, sabiex ikunu jistgħu jgħixu fil-libertà, dinjità u sigurtà.
- Impenn biex jiġu promossi d-djalogu interkulturali u interreliġjuż, biex jissaħħu r-rabtiet ta’ ħbiberija u fehim reċiproku.
- Attenzjoni u kura għall-ambjent u l-baħar li jgħaqqduna lkoll u li jikkostitwixxu ġid komuni li għandu jiġi mħares.
- Ftuħ ta’ kurituri umanitarji jew, fi kwalunkwe każ, rotot legali ta’ dħul u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri meħtieġa biex wieħed japplika għall-ażil u jsib kenn mill-kunflitt u l-persekuzzjoni.
- Il-ġlieda kontra l-illitteriżmu permezz tal-promozzjoni tal-iskola u edukazzjoni pubblika u bla ħlas, li hija l-bażi tal-libertà.
Bħala rġiel u nisa tal-Mediterran, aħna lesti nużaw il-kultura u r-riżorsi kollha tagħna biex nagħtu sehemna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, speċjalment għar-rikostruzzjoni ta’ dinja fil-paċi. Dinja li tirrikonoxxi d-djalogu, il-medjazzjoni u l-kooperazzjoni bħala l-mod kif nindirizzaw l-isfidi globali, mill-bidla fil-klima għall-inugwaljanzi soċjali, u mill-faqar għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Nappellaw lil kull mexxej, istituzzjoni u ċittadin tal-Mediterran: ejjew ma nħallux il-vjolenza u l-mibegħda jirbħu. Il-gwerra hija mostru, mekkaniżmu djaboliku li llum jew għada jagħmlek qattiel jew vittma u fi kwalunkwe każ ostaġġ tiegħu. Il-gwerra hija l-Għadu tagħna.
Aħna, ċittadini tal-Mediterran, nitolbu li r-rieda tal-poplu tinstema’ u li l-għażla tal-gwerra tiġi pprojbita mill-istorja. B’dan il-mod biss dan il-baħar u dan l-ambjent, tant sbiħ u mimlijin varjetà imma mibdulin mill-gwerra f’infern, jerġgħu jsiru dik ir-roqgħa tal-Ġenna li ngħatatilna minn Alla u missirijietna biex nipprattikaw l-arti tal-għixien flimkien fil-paċi bħala nies ħielsa.

