Taħriġ fil-Ġurnaliżmu u Premju ta’ €5,000

Int ġurnalist lokali, ġurnalist aspiranti jew attivist fil-midja b’ interess fil-ġurnaliżmu investigattiv?

Il-proġett iffinanzjat mill-UE li fih Repubblika hija msieħba, S-INFO – Sustainable Information, jistiednek tieħu parti f’ programm ta’ taħriġ ta’ jumejn fil-ġurnaliżmu investigattiv li ħa jisir fil-bidu ta’ Ottubru. It-taħriġ huwa bla ħlas u se jingħata  bl-Ingliż.

Bil-parteċipazzjoni tiegħek issir eliġibbli biex tikkompeti għal premju ta’ €5,000 biex tagħmel investigazzjoni, b’ kollaborazzjoni ma’ għaqda tas-soċjeta’ ċivili li taħdem fil-qasam tal-ambjent, fil-qasam ta’ kontra l-korruzzjoni jew fil-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali.

Wara t-taħriġ, żewġ għotjiet ta’ €5,000, ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea, ser jiġu offruti liż-żewġ parteċipanti li għandhom l-aħjar idejat għal stejjer investigattivi. L-istejjer tagħhom għandhom jieħdu massimu ta’ sitt xhur biex jitlestew, u jkunu ppubblikati fuq is-sit web S-Info fl-2025 wara editjar u verifika tal-fatti.

It-taħriġ se jsir fit-3 u l-4 ta ’Ottubru, 2004 mid-9am sal-5pm, ġol-penthouse sabiħ f’Mount St Joseph Retreat House il-Mosta, bl-ikel u waqfiet ghal kafé inklużi u ġonna fejn tista’ tirrilassa bejn sessjoni u oħra.

Fost il-ħarrieġa se jkun hemm:

  • Natalino Fenech, eks attivist ambjentali, kittieb rebbieħ ta’ premjijiet, ġurnalist veteran u editur, u senior lecturer fil-ġurnaliżmu fl-Istitut tal-Arti Kreattiva tal-MCAST.
  • Bertrand Borg, eks edukatur tad-drittijiet tal-bniedem, eks ġurnalist ta’ The Age ġewwa Melbourne, eks senior journalist u issa editur tat-Times of Malta onlajn.
  • Manuel Delia, eks segretarju tal-istampa ma’ prim ministru, awtur, attivist, ġurnalist investigattiv, blogger, opinjonista ma’ The Sunday Times of Malta, uffiċjal eżekuttiv għal Repubblika.
  • Mark Wood, eks ġurnalist, eks editur tas-Sunday Times of Malta, eks editur tat-Times of Malta edizzjoni stampata, project coordinator għal Repubblika.

It-taħriġ se jinkludi lekċers u workshops bi tħejjija għall-kompetizzjoni għall-premjijiet.

L-għan ewlieni tagħna huwa li l-ġurnalisti investigattivi aspiranti u l-attivisti tal-midja jiġu mgħammra b’uħud mill-ħiliet essenzjali u l-għarfien professjonali meħtieġa biex jitwettaq rappurtar investigattiv effettiv.

It-taħriġ se jkopri wkoll kuntatti bejn il-parteċipanti u għaqdiet tas-soċjetà ċivili, u modi kif wieħed jista’ jikkollabora mal-organizzazzjonijiet dwar it-tħejjija u l-użu ta’ rapporti investigattivi. Il-parteċipanti se jitgħallmu kif jippreżentaw l-istorja li se jsegwu biex jiġu kkunsidrati għall-premju ta’ €5,000 taħt l-iskema tal-għotjiet.

It-taħriġ joffri opportunità unika biex ittejjeb il-ħiliet tiegħek fil-ġurnaliżmu investigattiv u biex toħloq netwerk ta’ kuntatti kemm mal-professjonisti kif ukoll mal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili.

Il-kriterji tal-għażla jinkludu motivazzjoni u aderenza mal-valuri u l-objettivi tal-proġett S-info. Il-parteċipanti prospettivi se jkunu pproduċew mill-inqas rapport wieħed ippubblikat f’ ħarġa tal-aħbarijiet. Meta nagħmlu l-għażla finali se nikkunsidraw ukoll il-bilanċ bejn is-sessi fi proporzjon mal-applikazzjonijiet li jidħlu. Jista jkun hemm bżonn intervesti mal-applikanti.

Għal kwalunkwe kjarifika, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Mark Wood: mwood667@nullgmail.com.

Biex tapplika, imla l-formola billi tuża l-buttuna t’hawn taħt.