Repubblika hija tal-fehma li din l-Inkjesta kienet waħda eċċezzjonali meta mqabbla mar-reazzjoni tal-Istat Malti għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Inkjesta li staqsiet mistoqsijiet diffiċli lix-xhieda u wettqet l-uniku għamla ta’ stħarriġ bir-reqqa taċ-ċirkostanzi li fihom ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia u l-kawżi tad-delitt, kif dan tħalla jseħħ u l-fallimenti tal-Istat Malti meta naqas li jieħu l-passi xierqa biex dan il-każ jiġi ttrattat kif xieraq.
Is-sottomissjonijiet tagħna huma tentattiv biex nindirizzaw it-termini ta’ referenza sostantivi ta’ din l-Inkjesta.
- Nuru kif Joseph Muscat u n-nies ta’ madwaru gawdew u għadhom qed igawdu l-impunità, minkejja evidenza dejjem akbar li kellha twassal għal investigazzjonijiet u prosekuzzjoni xierqa għal reati kriminali skont il-liġi. Nisiltu bosta eżempji, fosthom avvenimenti marbuta mar-ritorn ta’ John Dalli minn Brussell, il-każ Pilatus, il-Panama Papers u oħrajn. Insostnu li dan il-livell ta’ impunità flimkien man-nuqqas tal-pulizija li taġixxi kif xieraq wara sensiela ta’ splużjonijiet ta’ karozzi bomba, ippermettew li l-awturi tal-kriminalità jaħsbu li qatt mhu se jinqabdu.
- Nuru kif Joseph Muscat u ċ-ċirku ta’ madwaru mexxew kampanja biex Daphne Caruana Galizia tiċċaħħad mid-dinjità umana, ma titħalliex tgawdi d-dritt tagħha għall-privatezza, il-familja u l-proprjetà, u fl-aħħar nett biex iċaħħduha mid-dritt għal ħajjitha stess.
- Nelenkaw bosta fallimenti tal-Istat Malti meta naqas li jindirizza r-riskji fuq ħajjet Daphne Caruana Galizia, inkluż l-effett tal-iżolament tagħha permezz ta’ malafama u tkasbir fuq il-midja tal-partiti politiċi.
- Nargumentaw li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jitqies fil-kuntest tal-infiltrazzjoni tal-mafja fit-tessut tal-governanza u s-soċjetà Maltija li, fil-fehma tagħna, hija perikolożament issottovalutata. Inressqu proposti għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni u proċeduri kontra l-mafja u kontra r-rikattar organizzat. Nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li tindirizza r-rikkezzi mhux spjegati, l-abbuż tal-kariga u lakuni oħra fil-qafas leġiżlattiv tagħna.
- Nisħqu fuq is-sinifikat tal-inkjesti pubbliċi bħala għodod li jkattru d-demokrazija tagħna u bħala mezz ta’ dokumentazzjoni u tagħlim mill-iżbalji amministrattivi, min-nuqqasijiet fis-sistemi tagħna jew mill-għemil ħażin volontarju.
- Niddiskutu kif l-Istat Malti għadu mhux jipprovdi protezzjoni xierqa lill-ġurnalisti u lil aġenti oħra tas-soċjetà ċivili li jaġixxu b’mod indipendenti mill-gvern, u għalhekk iqishom b’mod żbaljat bħala forma ta’ oppożizzjoni li jrid jipprova joħnoq.
Fl-aħħar nett, nargumentaw li fil-qalba tal-valuri li aħna naspiraw bħala demokrazija għandu jkun hemm is-servizz ta’ ġurnaliżmu indipendenti u kritiku. Jixraq li wliedna jiġu mgħallma japprezzaw dan, jippretenduh u jikkontribwixxu għalih bħala element ewlieni fl-edukazzjoni formali tagħhom. Iċ-ċittadini jeħtieġ ifakkru b’tant eżiġenza lill-Istat Malti biex iħares l-indipendenza ta’ dan il-pilastru demokratiku minn kull indħil, ċensura, u saħansitra mill-vjolenza min-naħa ta’ dawk li jaqblilhom idgħajfu dawn il-libertajiet.
Fis-sottomissjonijiet tagħna, infakkru li Repubblika twaqqfet minn individwi li ngħaqdu flimkien wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan għamilnieh għax konna rrabjati u ma konniex sodisfatti bl-azzjoni tal-awtoritajiet jew bin-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom, qabel u wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Filwaqt li tissokta s-sejħa tagħna għal ġustizzja mingħajr aktar dewmien fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, it-tħassib tagħna llum hu aktar profond milli kien fis-16 ta’ Ottubru 2017, wara nofsinhar, meta konna lkoll maħsudin u rrabjati.
Tassew grati li għandna din l-opportunità li niddokumentaw dan it-tħassib u nittamaw li s-sottomissjonijiet tagħna jkunu kontribut siewi għal dan il-proċess importanti.