L-Inkjesta ntalbet tiddetermina jekk l-Istat Malti wettaqx u jekk hux qed iwettaq l-obbligu pożittiv li jieħu miżuri operazzjonali ta’ prevenzjoni biex jipproteġi lill-individwi li l-ħajja tagħhom tkun fir-riskju minn atti kriminali, b’mod partikolari fil-każ tal-ġurnalisti.

F’dawn is-sottomissjonijiet nispjegaw għalfejn nemmnu li dan l-obbligu ma twettaqx. Inżidu r-raġunijiet għalfejn nemmnu li l-Istat Malti għadu jonqos minn dan l-obbligu b’mod partikolari fil-każ tal-ġurnalisti.

  • Il-Parlament ikkunsidra, iżda mbagħad naqas li jadotta, leġiżlazzjoni li tista’ tipproteġi lill-ġurnalisti minn kawżi strateġiċi (SLAPP) miftuħa barra mill-pajjiż. Il-ġurnalisti Maltin qed iħabbtu wiċċhom ma’ kawżi ta’ libell barra minn Malta u t-theddida li dawn jippersistu hi periklu ċar u reali.

Dan huwa sinifikanti b’mod speċjali jekk jitqiesu l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata f’Malta. Il-kriminalità organizzata użat b’mod estensiv l-attivitajiet ekonomiċi ewlenin ta’ Malta bħala għodda għall-attivitajiet tagħha ta’ kutrabandu, rikattar organizzattiv u ħasil tal-flus.

L-investigazzjonijiet ġurnalistiċi dwar il-banek, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-kumpaniji tal-logħob tal-azzard, il-kumpaniji tal-fjuwil u entitajiet korporattivi  kbar simili ta’ spiss sfaw fil-mira ta’ theddid ta’ libelli internazzjonali, jew saħansitra vittma tal-libelli nnifishom, u dan iħalli effett dissważiv fuq il-ġurnaliżmu investigattiv. Min-naħa tiegħu dan joħloq ambjent ta’ impunità li jippermetti kontinwità ta’ dawn l-attivitajiet kriminali, u li jinfirxu iżjed.

  • L-attivisti għadhom kontinwament qed iġarrbu intimidazzjoni u iżolament. Dawn jinkludu l-esklużjoni minn fuq il-mezzi tax-xandir pubbliku; attakki konsistenti mill-midja tal-partiti; u trolling fuq il-midja soċjali organizzat b’mod ċentrali.
  • Il-pressjoni li għamlu ċerti istituzzjonijiet bħall-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa fuq pajjiżna biex iwettaq riformi istituzzjonali, wasslu għal inizjattivi leġiżlattivi jew amministrattivi nofs kedda biex tingħata l-impressjoni ta’  konformità u riforma. Il-gvern eskluda lis-soċjetà ċivili minn kwalunkwe għamla ta’ konsultazzjoni. Għalaq il-bibien għall-istampa ħielsa biex tirrapporta, tanalizza u tikkummenta dwar ir-riformi. Wettaq biss riformi limitati u kożmetiċi.

U ħafna minn dawn il-bidliet mhu se jħallu l-ebda impatt materjali fuq il-ħakma li għandha l-mafja tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Is-soċjetà ċivili ma kienet mistiedna għall-ebda deliberazzjoni dwar it-tħejjija ta’ dawn ir-riformi. Ma ġie ppubblikat l-ebda abbozz tad-dokumenti leġiżlattivi qabel ma tressqu għad-dibattitu fil-Parlament, u mbagħad kien tard wisq għas-soċjetà ċivili biex b’xi mod tagħti sehem sinifikanti fil-proċess.

  • Il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti indipendenti u l-isfidi tas-soċjetà ċivili qed jiġu injorati waħda wara l-oħra. L-istampa mhix qed tingħata opportunitajiet biex tistaqsi l-mistoqsijiet, filwaqt li l-politiċi qed jikkomunikaw direttament dwar materji ta’ importanza nazzjonali fuq l-istazzjonijiet tal-partit tagħhom jew bir-riklami mħallsa fuq il-midja soċjali.

L-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni qed jiġi rispettat b’diżrispett meta l-gvern jirrifjuta talbiet għal raġunijiet pwerili, u ħafna drabi jsib l-appoġġ tar-regolaturi minflok ma jaġixxu b’mod indipendenti minnu.

Ir-rwol ta’ intermedjazzjoni u sorveljanza li għandha taqdi l-midja fid-demokrazija tagħna għadu mhux qed jitħalla jitwettaq; u minkejja l-isforz aktar koerenti min-naħa tal-komunità ġurnalistika wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-gvern ħafna drabi qed jirnexxilu jwarrab lil min jiddubita l-awtorità tiegħu.