M’hemmx dubju li l-gvernijiet isibuha bi tqila li jgħaddu minn proċessi ta’ inkjesta dwar l-imġiba tagħhom, madankollu l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet u n-nuqqasijiet amministrattivi u t-tagħlim minnhom għandhom ikunu konsegwenza ewlenija tas-separazzjoni tal-poteri u tal-maturità tal-esperjenza nazzjonali.
Jeħtieġ tkun fid-diskrezzjoni tal-fergħa leġiżlattiva, li taġixxi indipendentement mill-gvern (u għalhekk bl-inizjattiva wkoll tal-Oppożizzjoni parlamentari), li tniedi inkjesti biex tinkiseb evidenza u jsiru seduti ta’ smigħ f’forum pubbliku li jkunu ffokati fuq okkorrenzi speċifiċi. Il-membri interessati tal-pubbliku u l-organizzazzjonijiet mhux biss jeħtieġ ikunu jistgħu jagħmlu sottomissjonijiet evidenzjarji kif jiġri f’ħafna mill-inkjesti, iżda anki li jisimgħu evidenza orali mogħtija minn partijiet oħra.
L-inkjesti pubbliċi jeħtieġ jinfetħu b’mod awtomatiku f’każijiet li jinvolvu bosta mwiet f’daqqa, bħad-diżgrazzji tat-trasport pubbliku jew l-omiċidji tal-massa.
Fil-prinċipju, il-konklużjonijiet tal-inkjesti jeħtieġ ikunu pubbliċi, b’regolamenti li jippermettu lill-prosekuturi u l-investigaturi jitolbu t-tneħħija ta’ ċertu informazzjoni biex tiġi ppreservata l-evidenza. L-inkjesti huma mistennija jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex titjieb il-kwalità tal-gvern jew tal-ġestjoni tal-organizzazzjonijiet pubbliċi fil-futur.
Il-persuni b’kariga eżekuttiva jeħtieġ ikun obbligati jikkooperaw mal-inkjesti pubbliċi, fosthom mal-Kummissjonijiet Parlamentari ta’ inkjesta. Hawn niftakru fl-istanzi partikolari meta Keith Schembri u Konrad Mizzi rrifjutaw li jattendu laqgħat u jwieġbu l-mistoqsijiet tal-kummissjonijiet għat-tiftix tal-fatti u investigattivi tal-Parlament Ewropew, qabel u wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Din l-Inkjesta messet oqsma li jeħtieġu aktar stħarriġ biex il-pajjiż u l-amministrazzjoni jitgħallmu kif xieraq mill-esperjenzi passati u biex il-parlament u l-gvern ikollhom rakkomandazzjonijiet għal riformi li jistgħu jgħinuna nevitaw li nerġgħu ngħaddu mill-esperjenzi tal-aħħar tmien snin.
Nappellaw għal inkjesti pubbliċi dwar:
- L-infiltrazzjoni tal-mafja fl-ekonomija u fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta;
- Il-kuntratt tal-Electrogas;
- Il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet;
- L-imġiba tal-istituzzjonijiet wara l-iżvelar tal-Panama Papers;
- Il-finanzjament tal-partiti politiċi;
- L-iżbilanċ fil-proċess tal-ippjanar favur l-interessi ta’ negozji kbar.