Fil-kuntest tas-segretezza inerenti għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, b’mod partikolari fl-akkwist pubbliku, evidenza kredibbli ta’ għemil ħażin tista’ tiġi żgurata biss jekk xi persuni minn jeddhom jiddeċiedu li jikkooperaw u jiksru l-kunfidenzjalità billi jipprovdu lill-istampa, lill-pubbliku, u eventwalment lill-awtoritajiet, evidenza li huma biss għandhom aċċess għaliha.
Mid-definizzjoni tagħhom, l-informaturi huma vulnerabbli. Jaf jitilfu l-introjtu tagħhom u jġarrbu konsegwenzi talli jkunu kisru r-regoli tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza. Jaf ukoll ibatu konsegwenzi b’rabta mal-prospetti tagħhom tal-impjieg, irrispettivament minn kemm ikun nobbli s-sagrifiċċju tagħhom.
L-informaturi huma wkoll persuni li mhumiex perfetti. Għal xi żmien, aktarx kienu kompliċi f’għemil ħażin li mbagħad jiddeċiedu li joħorġuh fil-beraħ. Il-motivazzjoni tagħhom li jikxfu lil xi eks kollega jew kap tagħhom jaf ma tkunx għalkollox nobbli. Dan jesponihom għal attakki fuq il-kredibbiltà u l-karattru tagħhom bħala tentattiv biex jiskreditaw il-valur tal-informazzjoni li jkunu qed jipprovdu, anke jekk tkun veritiera.
Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-informaturi tagħti protezzjoni legali lix-xhieda biss meta l-gvern jaċċetta li jagħtiha. Din ġiet sfruttata mill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat meta ma aċċettatx li tagħti protezzjoni lil xhieda li setgħu jesponu l-għemil ħażin ta’ persuni fl-amministazzjoni. Minflok, il-gvern għamel kampanji sħaħ ta’ intimidazzjoni biex isikkithom. Dawn il-kampanji waslu saħansitra sal-punt li ssir persekuzzjoni ta’ xhud barra l-pajjiż permezz tal-mekkaniżmi tal-Istat Malti għal tentattivi ta’ estradizzjoni. Pereżempju, kellu jkun bl-intervent tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor tal-UE biex Maria Efimova, informatur ewlieni fl-iskandlu tal-Pilatus Bank, tingħata protezzjoni, għallinqas għalissa, milli taffaċċja miżuri punittivi kontriha fil-qrati Maltin mill-eks impjegatur tagħha li esponiet u minn Joseph Muscat.
Nirrakkomandaw li t-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi27 tkun opportunità għal riforma kredibbli f’dan il-qasam. Ninsabu ddiżappuntati li l-gvern ħabbar li se jibqa’ jkarkar bit-traspożizzjoni tad-Direttiva sal-aħħar mument possibbli, jiġifieri sa Diċembru 2021, meta dan il-proċess miexi ġmielu fil-bqija tal-Istati Membri tal-UE. Frustrati wkoll li l-gvern għadu ma ppubblika l-ebda abbozz ta’ leġiżlazzjoni, aħseb u ara kemm beda l-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili dwar dan is-suġġett.