Jeħtieġ ikun hemm deterrent ċar biex jiġi evitat li l-persuni f’awtorità politika jużaw u jabbużaw mill-poter tagħhom biex jipprevjenu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet b’rabta mal-kondotta tagħhom jew ta’ xi assoċjati u alleati politiċi tagħhom.
Jeħtieġ ikun reat speċifiku li persuna b’kariga pubblika tipprova tfixkel lill-pulizija, lill-prosekuturi, lil investigaturi jew lil uffiċjali oħra bħall-Awditur Nazzjonali, l-Ombudsman jew il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika milli jwettqu investigazzjonijiet ta’ natura bħal din.
It-tfixkil jista’ jinkludi l-perġurju, id-dikjarazzjonijiet foloz lil uffiċjali, il-manipulazzjoni ta’ ġurija, il-qerda ta’ evidenza, u oħrajn. Jeħtieġ li t-tfixkil japplika wkoll għal koerċizzjoni evidenti ta’ qorti jew uffiċjali tal-gvern permezz ta’ theddid jew dannu fiżiku reali, u għal tixwix kontra qorti jew uffiċjal tal-infurzar tal-liġi li jimmina l-apparenza ta’ awtorità leġittima.
It-Taqsima 139 tal-Kodiċi Kriminali Kanadiż hi mudell possibbli għal dan.22
Kieku Malta kellha dawn l-għodod leġiżlattivi fis-seħħ, il-korpi tal-infurzar tal-liġi kien ikollhom is-setgħa li jaġixxu f’diversi okkażjonijiet qabel u wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien hemm diversi episodji ta’ qerda suspettata ta’ rekords pubbliċi, meta ntużaw kontijiet privati tal-emails għal ħidma uffiċjali biex jiġi mminat il-proċess tal-awditjar u l-verifika, meta ma ngħatatx evidenza jew ingħatat evidenza kontradittorja – u għalhekk parzjalment evidenza mhux trasparenti – u tattiċi oħra minn Joseph Muscat u min-nies ta’ madwaru biex jevitaw ostakli għall-inizjattivi korrotti li wettqu.
Bħal bosta ġurisdizzjonijiet oħra, jidhrilna li għandu jkun reat kriminali li uffiċjal pubbliku jwettaq ħidma uffiċjali b’mezzi tal-komunikazzjoni privati, bħal kontijiet privati tal-email jew għodod tal-messaġġi privati.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet u oħrajn miġbura f’din it-taqsima jagħtu suġġerimenti għal riformi leġiżlattivi li ċertament jirfsu xi daqsxejn uħud mid-dispożizzjonijiet eżistenti, li ftit li xejn jintużaw, tal-Kodiċi Kriminali tagħna; bħal dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-miżapproprjazzjoni, l-abbuż mill-pożizzjoni, it-tfixkil jew l-attakki fuq uffiċjali pubbliċi fil-qadi ta’ dmirijiethom, u dispożizzjonijiet oħra koperti b’liġijiet amministrattivi speċifiċi.
M’hemmx għalfejn jingħad li qabel jiddaħħal titjib leġiżlattiv bħal dan, jeħtieġ issir riċerka dettaljata u konsultazzjoni estensiva.