L-infurzar tal-liġijiet kontra l-kriminalità finanzjarja, inkluż it-tixħim u l-korruzzjoni, hu notorjament diffiċli minħabba l-għodod disponibbli għall-kriminali biex jgħattu xturhom. Madankollu, kull min għandu ferm aktar rikkezzi minn kemm jiġġustifika l-introjtu spjegat tiegħu, hu l-benefiċjarju ta’ introjtu li ma jistax jiġġustifika. Bħala eżempju nistgħu nieħdu l-każ ta’ Alfred Degiorgio li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan affordja jixtri karozzi u dgħajjes u jilgħab ammonti ġmielhom ta’ flus fil-casinos, minkejja l-fatt li kien uffiċjalment qiegħed għal għexieren ta’ snin.

Il-qafas leġiżlattiv tagħna mhux attrezzat b’miżuri li fir-Renju Unit isejħulhom “unexplained wealth orders”, jiġifieri tip ta’ ordnijiet maħruġa mill-qrati Brittaniċi biex persuni jiġu mġiegħla jiżvelaw is-sorsi tar-rikkezzi mhux spjegati tagħhom. Dawn kienu ġew introdotti mit-Taqsimiet 1-2 tal-Att tal-2017 dwar il-Finanzi Kriminali, u huma regolati mit-Taqsimiet 362A-362T tal-Parti 8 tal-Att tal-2002 dwar ir-Rikavati mill-Kriminalità. Il-persuni li ma jagħtux rendikont ikunu soġġetti għal konfiska tal-assi, jekk xi awtorità tal-infurzar, bħall-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalità, tagħmel appell b’suċċess quddiem il-High Court.

Is-setgħa tal-ordnijiet dwar ir-rikkezzi mhux spjegati fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tinsab fil-prinċipju tar-reverse onus. Nifhmu li l-gvern Malti kkunsidra li jadotta dispożizzjoni simili fil-leġiżlazzjoni tagħna, iżda mbagħad iddeċieda li jagħtiha l-ġenb jew li jipposponiha b’mod indefinit.

Għandna għalfejn nemmnu li din id-deċiżjoni ħaduha persuni fil-gvern u oħrajn qribhom għax huma ma kinux jistgħu jwieġbu b’mod xieraq għal ordni bħal din, dwar ir-rikkezzi mhux spjegati. Dan it-twemmin hu sostnut b’rapporti li membri tal-Grupp Parlamentari Laburista qed jirrifjutaw li jikkonformaw mat-talbiet tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għal aktar informazzjoni dwar l-assi u l-introjtu tagħhom minn dik minima li jeħtieġ jelenkaw statutorjalment fid-dikjarazzjonijiet perjodiċi tagħhom.21