Il-kriminalità organizzata hija globalizzata, u fil-kuntest Ewropew tisfrutta l-libertajiet tal-moviment tal-persuni u l-flus. Il-kriminali jisfruttaw il-kombinament tal-integrazzjoni tas-suq Ewropew u l-frammentazzjoni tal-pulizija u l-ġustizzja fl-UE.
L-istrutturi attwali ta’ kooperazzjoni jiddependu fuq ir-rieda tajba u l-kooperazzjoni tal-forzi lokali. Ċertament li fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dan ma saritx dejjem kif mistenni.
L-eks direttur eżekuttiv tal-Europol ilmenta b’lingwaġġ diplomatiku li l-kooperazzjoni tal-pulizija ta’ Malta mal-Europol “kellha lok għal titjib”.19
Dan il-kumment irid jitqies fil-kuntest tar-rivelazzjoni sussegwenti li uffiċjali għoljin tal-pulizija ta’ Malta kellhom relazzjonijiet diretti ma’ persuni suspettati.
L-istampa Taljana20 rrappurtat li xi snin qabel l-arrest tiegħu f’Malta, il-pulizija Taljana ppruvat tinnotifika lil Yorgen Fenech b’rabta ma’ investigazzjoni dwar xiri ta’ logħob li kellha suspett li kien involut fih. Iżda dawn in-notifiki qatt ma waslu għax il-pulizija Maltija kienet qed tibgħat lura kull korrispondenza indirizzata lil Yorgen Fenech peress li l-indirizz tiegħu “ma kienx magħruf”.
Malta tat il-liċenzja lil aktar minn 25 bank internazzjonali li jipproċessaw biljuni ta’ ewro. Ħarġet eluf ta’ passaporti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jgħixux Malta u li ftit li xejn iżuru l-pajjiż. Ospitat porzjon kbir tal-industrija tal-logħob tal-azzard tal-Ewropa. Ħafna drabi, il-vittmi ta’ reati potenzjali li jużaw dawn l-għodod ikunu barra minn Malta.
Nargumentaw li biex wieħed ilaħħaq mal-kriminalità federalizzata, għandhom jiġu federalizzati wkoll l-infurzar tal-liġi Ewropea u l-ġustizzja kriminali. Il-kriminalità transfruntiera jeħtieġ tiġi definita bħala federali, biex il-pulizija federali jkollha s-setgħa tinvestiga, jekk ikun meħtieġ, mingħajr referenza għall-awtoritajiet lokali, u tressaq akkużati quddiem il-qrati federali.
Filwaqt li ma nissottovalutawx il-kumplessità politika ta’ proposta bħal din, in-nuqqas ta’ viżjoni politika toħloq ambjent għal kriminalità sofistikata, b’mod partikolari l-kriminalità finanzjarja.