Minnufih wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien qal, “Il-pajjiż jixraqlu ġustizzja.”29 Il-kumment kellu l-istess stil bħal kummenti li għamel band’oħra, meta stqarr li dan kien oltraġġ għad-demokrazija u l-espressjoni ħielsa f’Malta.
Dawn il-kelmiet saħqu l-importanza ta’ dan ir-reat fil-kuntest korrett. Bla dubju, bħal fil-każ ta’ kwalunkwe reat ieħor, il-vittmi u l-qraba tagħhom jixirqilhom ġustizzja soda u mingħajr dewmien. Filwaqt li l-persuni akkużati li kienu l-awturi ta’ reati huma intitolati għal ġustizzja fil-ħin u ġusta.
Iżda dan mhux “delitt kwalunkwe”. Dan kien attakk fuq in-nisġa tas-soċjetà u l-kliem biss mhux biżżejjed.
Jekk pajjiżna ma jiksibx il-ġustizzja li jixraqlu, id-demokrazija u l-espressjoni ħielsa f’Malta se jibqgħu maħkumin minn dan l-oltraġġ. Dan hu ferm iżjed minn sempliċiment delitt, għalkemm hu delitt ukoll, u bl-ebda mod mhu nipproponu li għal xi mument nagħtu inqas importanza lid-dritt għal ġustizzja lill-familja ta’ Daphne wara t-telfa li ġarrbu u t-tbatija fit-tul u mhux ġustifikata li qed jgħaddu minnha. Madankollu, irridu nindirizzaw ukoll sfida eżistenzjali għad-demokrazija tagħna. Id-demokrazija ma tagħmilx sens jekk ma tkunx tista’ tipproteġi l-espressjoni ħielsa u jekk ma tkunx tista’ tagħmel ġustizzja ma’ min jipprova jimminaha.
U tabilħaqq, minkejja n-natura straordinarja tar-reat, l-Istat Malti trattah bl-aktar mod ordinarju. Il-Maġistrat Inkwerenti ħadem fuq dan il-każ fuq bażi part-time daqslikieku kien każ bħall-oħrajn, u meta l-inkjesta waslet f’nofsha, l-eżekuttiv tal-pajjiż iddeċieda li jbiddlu. Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-akkużati qed tittawwal iżżejjed, u l-Maġistrati li qed jippresedu jridu jlaħħqu mal-bqija tal-attivitajiet ordinarji u kawżi pendenti oħra. Il-proċedimenti qed jinstemgħu bl-istess ritmu bħall-bqija tal-kawżi ordinarji, mingħajr ma jitqiesu l-iskala u l-konsegwenzi tal-każ, li żgur mhumiex ordinarji.
Fil-fatt, l-Istat Malti qed jibqa’ jaġixxi daqslikieku mhux qed jissielet sfida eżistenzjali kontra stat mafjuż fi ħdanu.
Biex jirnexxilna negħlbu l-mafja u nisfrattaw l-attivitajiet tagħha – sew dawk vjolenti bħall-qtil ta’ ġurnalista li tesponiha, sew dawk li mhumiex bħall-korruzzjoni, il-manipulazzjoni tal-akkwist pubbliku u l-infiltrazzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi biex insemmu wħud li huma rilevanti b’mod dirett għal dan il-każ – jidhrilna li hemm każ b’saħħtu ħafna li jkollna maġistrati apposta, attrezzati b’riżorsi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, li jkunu jistgħu jaħdmu bl-inizjattiva tagħhom stess, mingħajr dipendenzi esterni, u ffokati esklussivament fuq il-kompitu li jressqu persuni quddiem qrati apposta kontra l-mafja.
Nisħqu wkoll l-importanza ta’ restituzzjoni lill-vittmi. Il-kriminalità organizzata tfaqqar ir-riżorsi tal-komunità billi tisfrutta u tistupra l-art, il-pajsaġġ, l-arja u r-riżorsi ekonomiċi li suppost għandhom l-iskop li jsostnu u jsaħħu l-benesseri tal-komunità u mhux li jħaxxnu l-bwiet tar-rgħiba. Ir-rikavat mill-kriminalità għandu jiġi kkonfiskat u jitqassam lura fil-komunitajiet imnejn ittieħed mill-mafja, billi jintuża bħala fondi għal inizjattivi mill-gvernijiet lokali, mill-parroċċi u mill-NGOs li jaħdmu biex itaffu t-tbatijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi li ġġarrab il-komunità f’idejn il-kriminalità organizzata.
Nagħrfu li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa f’ħafna aspetti mingħajr preċedent. Minkejja dan, mhijiex l-ewwel darba għal pajjiżna li sar attentat ta’ assassinju fuq persuna li l-awturi tiegħu ittamaw li bih jeliminaw xkiel għall-gwadann illeċitu tagħhom. U forsi l-pajjiż messu ħadha t-tagħlima mill-fallimenti tal-imgħoddi, meta naqas li jressaq lil awturi ta’ kriminalità vjolenti motivata politikament quddiem il-ġustizzja.
Iżda anki kieku kellna nippermettu l-fatt li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ħoloq sfida lill-Istat Malti li l-istituzzjonijiet tiegħu kienu dgħajfa wisq għaliha, m’hemm l-ebda evidenza ta’ xi sforz biex tiżdied l-abbiltà tal-Istat Malti li jirreaġixxi għaliha.