L-inadegwatezza tal-qafas leġiżlattiv tagħna tkompli tiggrava bin-nuqqas tal-Istat Malti li jinforza l-liġijiet li diġà għandna għal reat kriminali ta’ din l-iskala u dan is-sinifikat.
L-Inkjesta semgħet evidenza ta’ kollużjoni, jew mill-anqas ta’ qrubija inaċċettabbli u kompromettenti, bejn it-tmexxija tal-investigazzjoni tal-pulizija dwar min ikkummissjona l-assassinju, u l-persuna li eventwalment ġiet akkużata li allegatament hi l-moħħ wara l-assassinju: il-każ tal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta. Il-qrubija kienet teżisti fl-ambjent ta’ impunità deskritt hawn fuq, u kompliet titgħarraq bl-involviment ta’ uffiċjali għolja tal-pulizija. Il-fatt li parti minn dik il-qrubija inaċċettabli ħarġet fid-dieher jagħtina x’nifhmu li ċerti elementi tal-Pulizija Maltija huma ferm aktar kompliċi fil-kriminalità minn kemm nafu s’issa. L-investigazzjoni li għaddejja dwar il-kondotta tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar hija rilevanti f’dan ir-rigward.
Din, flimkien mal-ingwanti tal-ħarir li bihom Peter Grech, kif ġie mistqarr, tratta lil suspettati ta’ delitti tal-kullar abjad meta kien jokkupa l-kariga ta’ Avukat Ġenerali, jgħaqqdu stampa tal-waħx ta’ indifferenza lejn il-liġi u ta’ reġim ta’ protezzjoni għall-mafja ffinanzjat mill-Istat.
Iżda anke jekk hemm il-possibbiltà (remota) li kull membru tal-Pulizija Maltija u kull persuna fis-servizz tal-prosekuzzjoni u fil-qrati jaqdi dmiru skont il-kuxjenza, xorta jibqa’ l-fatt li l-qafas legali u istituzzjonali eżistenti hu għalkollox inadegwat għaċ-ċirkostanzi attwali.
Kieku pajjiżna kellu leġiżlazzjoni kontra l-mafja, stajna nintroduċu miżuri li jagħtu setgħat lill-korpi tal-infurzar tal-liġi biex jirnexxilhom jegħlbu l-isfidi tal-kriminalità ta’ din ix-xeħta u ta’ din l-iskala. Bl-ebda mod m’aħna nissuġġerixxu li d-drittijiet tal-bniedem ta’ xi ħadd, inkluż id-drittijiet ta’ persuni akkużati b’reati tal-mafja, għandhom jiġu kompromessi jew sospiżi għal xi raġuni jew oħra. Iżda qed nissuġġerixxu dispożizzjonijiet speċjali ta’ sigurtà waqt id-detenzjoni li jipprevjenu lill-mafjużi milli jkomplu jmexxu l-attivitajiet kriminali tagħhom minn ġol-ħabs. Jidhrilna wkoll li l-liġijiet u s-sistemi tagħna għandhom jipprevedu faċilitajiet siguri għad-detenzjoni u l-proċessi kriminali. Jeħtieġ nikkunsidraw li nżidu t-trasparenza tal-proċedimenti kriminali ta’ din l-għamla billi nxandruhom b’mod televiżiv. Jenħtieġ nikkunsidraw proċeduri li jippermettu lill-pulizija li f’każijiet speċifiċi, definiti sew u b’sorveljanza ġudizzjarja, jestendu l-ħin tal-arrest tal-persuni suspettati qabel jittellgħu l-qorti, għal aktar minn 48 siegħa.
Hawn jiġu f’moħħna x-xenati tal-arresti u r-rilaxxi, wieħed ġol-ieħor, ta’ Yorgen Fenech f’Novembru u Diċembru 2019; niftakru fl-awli ffullati u xejn prattiċi fejn il-familjari tal-vittma spiċċaw bilqiegħda ħdejn sħab l-akkużati, filwaqt li ġie limitat l-aċċess għall-pubbliku. Kien ikun xieraq li din l-Inkjesta Pubblika tiġi pprovduta b’mod televiżiv. Niftakru fl-evidenza li ma tistax tiġi injorata, u li tissuġġerixxi li l-persuni arrestati b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jibqgħu f’pożizzjoni li jinnegozjaw l-interessi tagħhom stess barra mill-ambitu tal-proċess legali.
Imħassbin ukoll dwar is-sikurezza tal-maġistrati, tal-uffiċjali tal-qorti, tal-prosekuturi, tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-avukati, tax-xhieda u tal-ġurnalisti li qed jaħdmu fuq dan il-każ. Sar theddid, online u mhux, li fid-dawl taċ-ċirkostanzi, jeħtieġ jittieħed bis-serjetà Minbarra għas-sikurezza ta’ dawn l-uffiċjali pubbliċi, imħassbin ukoll li dan it-theddid jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-abbiltà tagħhom li jaqdu dmirhom bis-sħiħ. Jenħtieġ jitfasslu proċedimenti speċjali kontra l-mafja biex l-Istat Malti jkollu s-setgħa jiżgura li l-kriminali kollha, organizzati jew perikolużi, jaffaċċjaw il-ġustizzja u jħallsu għal għemilhom.