Kieku kellna napplikaw il-liġi kriminali Taljana għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-assassinju jissejjaħ att terroristiku “di stampo mafioso”. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx maħsub biss biex itemm ħajjitha. Kien maħsub ukoll biex xogħolha u l-attiviżmu tagħha jinbidlu bis-silenzju ħalli l-persuni li ddeċidew li joqtluha jibqgħu għaddejjin bil-pjanijiet tagħhom mingħajr xkiel. Riedu jnisslu l-biża’ fis-sorsi, fil-ġurnalisti, fl-attivisti, fil-politiċi tal-oppożizzjoni u f’kull min seta’ jkompli ħidmitha.

Qed nużaw it-terminu “mafja” bi ħsieb. Anki fil-pajjiżi li għandhom għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fil-ġlieda kontra l-mafja b’kull mezz fil-kuntest tagħhom, l-awtoritajiet idumu biex jirrikonoxxu t-theddida tal-kriminalità organizzata.

It-tendenza intuwittiva tal-awtoritajiet pubbliċi hija li jissottovalutaw is-sinifikat tal-organizzazzjonijiet tal-kriminalità. Huwa eħfef li l-atti kriminali jiġu kkunsidrati bħala inċidenti iżolati milli bħala manifestazzjonijiet ta’ entità inviżibbli iżda ġganta li tuża l-kriminalità favur interessi kumplessi.

Huwa preżunt li l-mafja ma teżistix, li hija xi mit ivvintat mill-kriminali li għandhom l-illużjoni li huma potenti jew mill-ġurnalisti li għandhom tendenza jesprimu ruħhom b’mod drammatiku. Dawk li ftit li xejn jirrikonoxxu l-eżistenza tagħha, il-mafja jqisuha barranija u aljena (“fi Sqallija biss tinsab”), jew romantika u ammirabbli (l-aktar minħabba l-glorifikazzjoni ta’ kriminali nobbli fiċ-ċinema), jew żgħira u bi vjolenza ordinarja (u għalhekk mhux konnessa ma’ rikattar organizzat u sofistikat li jinvolvi akkwist pubbliku kumpless u l-liċenzjar ta’ attivitajiet ekonomiċi b’rendiment qawwi).

Nargumentaw li l-evidenza quddiem din l-Inkjesta, l-evidenza mismugħa fil-proċedimenti kriminali li għaddejjin, u l-investigazzjonijiet ta’ ġurnalisti lokali u internazzjonali wrew b’mod konvinċenti li f’Malta teżisti organizzazzjoni tal-kriminalità li tlaqqa’ persuni fin-negozju, fil-politika u fil-kriminalità biex jiffaċilitaw, jirranġaw, jinnegozjaw u jiftiehmu fuq kuntratti pubbliċi u privati permezz ta’ tixħim jew koerċizzjoni.

Il-mafja aktar tinfirex meta l-eżistenza tagħha tiġi kkontestata jew injorata, u meta l-awtoritajiet ma jħossux il-ħtieġa li jiżviluppaw qafas leġiżlattiv u ta’ infurzar kontra għadu li ma jaċċettawx li jeżisti.

Iċ-ċaħda żbaljata tal-eżistenza tal-mafja mhi bl-ebda mod problema biss f’Malta. Il-Pulizija Ewropea, barra mill-Italja, inkluż il-Pulizija Maltija, isibuha diffiċli biex jifhmuha bħala kunċett meta jiġu avviċinati mill-kollegi tagħhom mill-Italja li jkunu qed ifittxu persuni mafjużi madwar il-kontinent.

Madankollu, l-infiltrazzjoni estensiva tal-mafja f’pajjiżna minħabba n-natura neċessarjament vulnerabbli tal-attivitajiet ekonomiċi porużi tagħna bħas-servizzi finanzjarji u l-logħob tal-azzard online, u l-assoċjazzjoni tal-atturi internazzjonali tal-mafja ma’ sħab lokali u l-kompliċi tagħhom, għamlu lil Malta post perikoluż għal min jeħodha kontra l-kriminalità organizzata.

Fil-fehma tagħna, dan il-falliment jeħtieġ jiġi indirizzat b’urġenza kbira.