Din il-kolleġġjalità u s-solidarjetà ġdida joħorġu mill-aktar fid-dieher fl-interess internazzjonali li attira l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li aktarx issorprendiet lill-awturi tad-delitt. Il-ġurnalisti u l-attivisti li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq is-sitwazzjoni f’Malta, u dan jgħin biex dak li sar fil-konfront ta’ Daphne jkun improbabbli li jirrepeti ruħu fiż-żmien li ġej. Għallinqas hekk nittamaw.
Il-vojt li ħallew u li għadhom iħallu l-fallimenti tal-Istat Malti, imtela bl-attiviżmu, bis-solidarjetà u bil-ġurnaliżmu internazzjonali. Dawn itaffu r-riskji ta’ iżolament li fil-każ ta’ Daphne wassal għall-qtil tagħha.