Il-ġurnalisti u l-attivisti kritiċi għadhom fil-mira ta’ attakki personali mill-mexxejja politiċi li jesponu jew jikkritikaw. Ix-xandir pubbliku jaġixxi daqslikieku hu l-portavuċi tal-gvern. L-istazzjonijiet televiżivi tal-partiti politiċi huma sfruttati bħala għodda  għall-persekuzzjoni u l-intimidazzjoni tal-kritiċi; u ċ-ċittadini li jkollhom il-kuraġġ jipprotestaw fil-limiti tal-liġi jisfaw vittmi ta’ attakki partiġġjani. It-trolling fuq il-midja soċjali għadu sistematiku, ikkoordinat b’mod ċentrali, viljakk u kważi qatt ma ffaċċja l-ġustizzja.

Għalkemm uħud mill-politiċi korrotti tilfu l-kariga politika tagħhom, il-konsegwenzi kriminali huma improbabbli ħafna. Huma – u dawk kollha li jaspiraw għall-karigi tagħhom – jidhru fiduċjużi ferm li se tissokta l-impunità.

Il-ġurnalisti għadhom esposti għar-riskji li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Li l-ġurnalisti u l-attivisti jingħataw is-sigurtà, mill-perspettiva tal-gvern, tkun tfisser li qed jingħataw il-kredibbiltà, u din il-gvern mhu se jaċċettaha qatt.

Id-differenza fundamentali bejn ir-realtà lejliet l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u r-realtà issa hija li s-soċjetà ċivili rnexxielha twassal leħinha, u xi ġurnalisti u attivisti ngħaqdu flimkien biex ikomplu l-ħidma ta’ Daphne ħalli jonqos ir-riskju tal-iżolament li jistgħu jġarrbu l-ġurnalisti li jaġixxu waħedhom.