Xejn ma jissuġġerixxi li l-Istat għandu xi abbiltà vijabbli, jew protokoll fis-seħħ, biex jivvaluta u jiddeċiedi dwar ir-riskju fuq il-ħajja tal-ġurnalisti, il-familji tagħhom u  l-proprjetà tagħhom, jew biex jieħu deċiżjonijiet effettivi li jipprovdu protezzjoni b’mod awtonomu mill-persuni fil-poter li jaf ikunu skomdi b’din il-protezzjoni.

Bħalissa hemm 24 ġurnalist Taljan li jgħixu bi protezzjoni armata. Id-deċiżjoni li jingħataw protezzjoni ħaduha aġenziji tal-infurzar tal-liġi mingħajr referenza għall-gvern, u bis-sorveljanza ta’ kummissjoni parlamentari indipendenti. Il-ġurnalisti huma żgurati li l-iskorti tagħhom jaġixxu b’mod indipendenti mill-persuni – fosthom persuni politiċi u mill-gvern – li jkunu qed jinvestigaw, u għalhekk huma żgurati wkoll li l-indipendenza ġurnalistika tagħhom ma tkunx mhedda mill-Istat permezz ta’ dawk li suppost qed jipproteġuhom.