- L-Istat Malti kien fid-dmir li jinvestiga u jaġixxi minnufih fuq ir-rivelazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia, mingħajr ma jitqiesu l-poteri u l-influwenza li kellhom dawk l-awturi tal-kriminalità msemmija fir-rappurtaġġ tagħha.
- L-Istat Malti kien fid-dmir li jiżgura li bħala ġurnalista u ċittadin attiv li tipprovdi servizz lill-pajjiż bil-ġurnaliżmu u bl-attiviżmu tagħha, Daphne Caruana Galizia kellha l-protezzjoni minn kull tpattija.
- L-Istat kien u għadu fid-dmir li jinvestiga t-theddid fuq ħajjet Daphne, fuq il-familja u l-proprjetà tagħha, u jressaq quddiem il-qrati lill-awturi ta’ dik l-intimidazzjoni u l-vjolenza kontriha matul dawk is-snin kollha, inkluż atti ta’ vandaliżmu fuq il-proprjetà tagħha, fosthom attakk li pperikolalha ħajjitha u u attakki li weġġgħu jew qatlu l-klieb tagħha.
- L-Istat Malti kien fid-dmir li jiżgura li x-xandara, inkluż il-mezzi tax-xandir tal-partiti politiċi, ikopru kwistjonijiet ta’ kontroversja politika bl-imparzjalità xierqa kif teżiġi l-Kostituzzjoni. B’dak il-mod, ix-xandir kellu jinkludi l-perspettiva ta’ Daphne Caruana Galizia u l-attakki fuq il-kredibbiltà tagħha min-nies li rrappurtat dwarhom.
- L-Istat Malti kien fid-dmir li jittratta lil Daphne Caruana Galizia u lill-familja tagħha b’mod ġust u ma jissoġġettahomx għal tpattija, bħat-trasferiment prematur u mhux ġustifikat ta’ wieħed minn uliedha fis-servizz diplomatiku.
L-Istat Malti naqas f’dawn id-dmirijiet kollha qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia minkejja l-fatt li l-istituzzjonijiet kienu konxji għalkollox mill-fatti deskritti hawnhekk. Dawn huma l-fatti li wasslu lill-Prim Imħallef Silvio Camilleri biex jesprimi t-tħassib tiegħu fid-diskors ta’ Ottubru 2017.16 Dawn huma l-fatti li ħolqu l-ambjent biex tinqatel Daphne Caruana Galizia ftit ġranet wara.