Din ir-realtà li Daphne Caruana Galizia kellha taffaċċja għal għexieren ta’ snin laħqet il-milja tagħha fl-aħħar snin bi trolling qawwi u kkoordinat fuq l-internet, u b’diskors ta’ mibegħda bla rażan jew kontroll li f’għajnejn bosta persuni ssokta l-attakki kontra d-dinjità umana tagħha. Dan wasal sal-punt li anki meta nqatlet b’karozza bomba, l-aktar persuni estremi li apertament ma kinux jaqblu magħha ferħu pubblikament bil-mewt tagħha jew akkużaw lil uliedha stess bil-qtil, u kif mistenni ħafna drabi bl-approvazzjoni ta’ sħabhom online.
Qabel l-assassinju ta’ Daphne, l-immaġni tagħha bħala “is-saħħara tal-Bidnija” u bosta attributi oħrajn ippruvaw ixejnu d-dinjità umana bażika tagħha, inkluż id-dritt tagħha għall-privatezza, il-familja u l-proprjetà.
Fuq Facebook, fit-30 ta’ Mejju 2017, erbat ijiem qabel l-elezzjoni, il-Membru Parlamentari Silvio Schembri kien qal li l-elezzjoni tal-2017 kienet il-mezz biex il-poplu Malti “jeħles minn nies bħalu (bħal Matthew Caruana Galizia) u ommu Daphne”.12
Jumejn wara l-elezzjoni, fil-5 ta’ Ġunju, fuq Facebook deher meme li juri wiċċ Daphne Caruana Galizia bi qrejjen sataniċi fuq kard kommemorattiva tal-funeral mistħajjel tagħha, bil-kliem: “B’ferħ kbir inħabbru l-mewt ta’ Daphnie (sic) Caruana Galizia, imlaqqma bħala s-saħħara tal-Bidnija… Ħalliet jibku t-telfa tagħha lil ħadd… O Mulej agħtiha dak li hi għamlet ma’ ħaddieħor.”13
Tant kien qawwi l-attakk fuq id-dinjità umana ta’ Daphne li fi ftit sigħat mill-assassinju tagħha, is-surġent tal-pulizija Ramon Mifsud iddikjara pubblikament fuq Facebook: “Had wara had tasal ta kullhadd demel!!!!!!! Feeling happy.” (Sic). (Ħadd wara Ħadd, tasal ta’ kulħadd, demel. Inħossni ferħan.) U żied wiċċ jitbissem. Minkejja li ġie sospiż, għax l-impunità tassew nawret l-istituzzjonijiet kollha, is-surġent Mifsud kien baqa’ jirċievi nofs is-salarju tiegħu sa tliet snin wara.14 U ma nafux jekk dan għadux hekk sal-lum.
Il-qofol tal-attakki fuq id-dinjità umana ta’ Daphne kienu l-assassinju tagħha.
Iżda jixraq ninnotaw li din l-attività bla rażan issoktat anki wara l-assassinju. Seba’ xhur wara, il-portal The Shift ippubblika s-sejbiet ta’ investigazzjoni li għamel dwar sitta mill-akbar gruppi fuq Facebook favur Joseph Muscat, li flimkien għandhom 60,000 membru u li jippostjaw attakki kkoordinati fuq attivisti kontra l-korruzzjoni u fuq il-memorja u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.15
Gruppi miżgħuda kummenti vjolenti, tixrid ta’ dettalji personali tal-attivisti kontra l-korruzzjoni, u appelli biex dawn jiġu attakkati fiżikament u sesswalment, u segwiti. Minbarra l-Prim Ministru nnifsu, fost il-membri ta’ dawn il-gruppi kien hemm tal-inqas tmien uffiċjali għoljin li jaħdmu għalih.
Dawn jinkludu lil Keith Schembri (l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru), Konrad Mizzi (l-eks Ministru għat-Turiżmu), Chris Cardona (l-eks Ministru għall-Ekonomija), Glenn Bedingfield (Deputat u eks konsulent tal-Prim Ministru), Neville Gafà (eks konsulent tal-Prim Ministru), Tony Zarb (konsulent tal-Prim Ministru), Rosianne Cutajar (Deputat u eks koordinatur tal-komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru), u Robert Musumeci (eks konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru).