Il-kampanja ta’ attakki kontra d-dinjità umana ta’ Daphne li nedew il-mexxejja politiċi kellha l-appoġġ tal-midja partiġġjana mmexxija mill-figuri politiċi għoljin ikkonċernati. B’mod mill-aktar qawwi, din il-pressjoni ġiet mill-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista. Iżda hu minnu wkoll li għal xi żmien, din ġiet mill-midja tal-Partit Nazzjonalista meta anki l-eks Kap tiegħu kien is-suġġett ta’ investigazzjonijiet minn Daphne Caruana Galizia. Ir-reazzjoni tiegħu għall-akkużi kienet l-istess bħal dik li normalment kienet tkun mistennija mill-Partit Laburista.

Il-Public Broadcasting Services (PBS), ix-xandir nazzjonali f’Malta, ikkontribwixxa għall-iżolament ta’ Daphne. Filwaqt li Daphne kienet fost l-aktar ġurnalisti ewlenin u segwiti f’pajjiżna, ix-xandir nazzjonali la investiga u lanqas xandar l-istejjer li kienet tiżvela, bħall-Panama Papers u l-Pilatus Bank. Minflok, il-PBS tħaddem daqslikieku l-portavuċi tal-gvern u xi drabi sar għodda partiġġjana biex ixejjen l-ilħna u l-fehmiet li kienu jikkritikaw lill-gvern.

Il-midja televiżiva intużat biex issegwi lil Daphne Caruana Galizia kull fejn tmur, u tpinġiha bħala persuna stramba jew li qed taħrab mill-iskrutinju. Irredikolawha, ippersegwitawha, akkużawha b’mod falz, anki lil qrabatha, u riedu jiżolawha.