It-tmexxija politika tal-pajjiż – minn Joseph Muscat ’l isfel – iddeskriviet sistematikament lil Daphne Caruana Galizia bħala giddieba u fabrikatur tal-istejjer, u li għal raġunijiet partiġġjani kienet qed tippreżenta dawn l-istejjer bħala verità. Dawn il-mexxejja politiċi tennew u attribwew b’mod falz għal Daphne Caruana Galizia bosta opinjonijiet jew dikjarazzjonijiet li qatt ma qalet jew kitbet, jew għawġu kwotazzjonijiet ’il barra mill-kuntest biex jippreżentawha b’mod qarrieq bħala persuna partiġġjana jew saħansitra li tesprimi odju bla rażan jew raġuni. Minflok ma wieġbu l-akkużi fil-konfront tagħhom, il-persuni b’karigi ta’ poter politiku li kixfet Daphne Caruana Galizia rritaljaw b’attakk kontra d-dinjità umana tagħha.
Dan it-theddid kompla wara l-assassinju ta’ Daphne rigward żviluppi relatati ma’ din il-qtil. Eżempju minnhom hi l-imġiba ta’ Josef Caruana, li kien uffiċjal fis-segretarjat privat tal-Prim Ministru. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien sab li dan kiser il-kodiċi tal-etika tas-settur pubbliku meta ppubblika fuq Facebook l-ismijiet u n-numri tal-identità ta’ 304 akkademiċi li ffirmaw petizzjoni fl-eqqel tal-kriżi politika ta’ Diċembru 2019. Il-Kummissarju ddikjara li l-post ta’ Josef Caruana “ma setgħetx ħlief tittieħed bħala forma ta’ fastidju jew messaġġ ta’ intimidazzjoni minn xi ħadd viċin il-Prim Ministru” fil-konfront ta’ akkademiċi li esprimew liberament is-sejħa tagħhom biex Joseph Muscat jirriżenja. “Il-messaġġ li qed jingħata huwa “nafu min int”.”11
F’okkażjoni oħra, Josef Caruana silef il-kredibbiltà tiegħu bħala uffiċjal għoli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bħala eks editur ta’ gazzetta u bħala kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex ixerred il-malafama li Matthew Caruana Galizia jaf ipparteċipa b’mod deliberat fil-qtil ta’ ommu jew għen biex tinħeba evidenza. Minkejja li rtira dan id-diskors, il-ħsara kienet laħqet saret.
Esponenti tal-gvern u tal-Partit Laburista kemm-il darba esprimew is-suġġerimenti li Daphne nqatlet minn uliedha jew li l-familja tagħha ħbiet evidenza mill-pulizija biex iddawwar il-kors tal-ġustizzja. Imbagħad dan id-diskors irrepetewh is-segwaċi tagħhom.