Meta Daphne Caruana Galizia rrappurtat li Chris Cardona aġixxa b’mod indiċenti waqt safra uffiċjali, hu irritalja b’kawżi ta’ libell vessatorji u b’mandat ta’ sekwestru qawwi. Sal-lum għadu ma ssostanzjax l-istqarrija tiegħu li kien ġie akkużat b’mod skorrett, u fil-fatt abbanduna l-każ tiegħu u dak li rrappurtat Daphne Caruana Galizia  għadu jgħodd.

Fil-mument tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u persuni oħra ma kellhom l-ebda raġuni biex jemmnu li xi wieħed mill-biżibilju skandli li kienu involuti fihom, kien se jwassalhom biex iħallsu għal għemilhom u jġegħelhom jirreżenjaw. Daphne Caruana Galizia kixfet ħafna minn dawn l-iskandli u esponiethom għall-attenzjoni tal-pubbliku.

Fil-fehma tagħna, l-episodji msemmija hawn u tant oħrajn juru li qrubija ma’ Joseph Muscat tiżgura impunità lill-awturi tal-kriminalità jew tal-għemil ħażin, u toħloq atmosfera perikoluża ħafna għall-ġurnalisti li jesponuhom.