Għal diversi snin wara l-gwerra ċivili fil-Libja, operaturi bbażati f’Malta pparteċipaw u kkordinaw il-kuntrabandu tal-fjuwil bejn il-milizzji u l-ġellieda Libjani, u l-kriminalità organizzata Taljana. L-operazzjonijiet ta’ kuntrabandu użaw ibħra, portijiet u faċilitajiet infrastrutturali Maltin biex iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom.

F’Marzu 2016, il-Bord tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Libja, li jirrapporta lill-Kunsill tas-Sigurtà, stqarr li l-fjuwil bil-kuntrabandu mil-Libja kien qed jiġi trasferit minn bastiment għall-ieħor fl-ibħra internazzjonali u jinġieb Malta. Stqarr ukoll li l-moħħ kien ċittadin Libjan li kien ko-proprjetarju ta’ kumpanija ma’ ċittadin Malti u ċittadin Eġizzjan.

F’anness dettaljat dwar il-kuntrabandu tal-fjuwil, ir-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti rabat lil din il-kumpanija mal-kuntrabandu tal-fjuwil u aċċenna li l-awtoritajiet Maltin kienu jafu bl-attivitajiet tal-kumpanija.9

Minkejja dan, u minkejja r-rappurtaġġ għal bosta snin, inkluż minn Daphne Caruana Galizia, li jidentifika lis-suspettati b’isimhom, ma sar l-ebda arrest u l-attivitajiet illeċiti tħallew isiru mingħajr waqfien.

Hemm indikazzjonijiet li l-istess elementi li ppermettew dawn l-attivitajiet illeċiti jista’ jkun li użawhom biex jiddevjaw l-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Daphne, u jiżvijaw l-attenzjoni tal-pubbliku mill-ħatja vera.