Inizjattiva politika ewlenija oħra tal-2013/14 li ħa l-gvern ta’ Joseph Muscat kienet l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lil klijenti li ħafna minnhom kienu anonimizzati. Din l-iskema, li ma ssemmietx fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat, insatret fis-segretezza. Daphne Caruana Galizia u oħrajn esponew għadd ta’ benefiċjarji b’rabta mal-involviment tagħhom f’attivitajiet illegali jew illeċiti li kellhom jagħmluhom ineliġibbli għall-iskema.
L-iskema tmexxiet minn Henley & Partners. Il-kap eżekuttiv tagħha, Christian Kälin hedded lil Daphne u lil persuni oħra b’kawżi SLAPP u dan bl-approvazzjoni taċita, jekk mhux evidenti, ta’ esponenti tal-gvern. Tal-inqas xi drabi, it-theddid ta’ kawżi SLAPP ħallew effett fuq il-ġurnalisti li rtiraw l-istejjer tagħhom. Minkejja t-tħassib internazzjonali u l-kritika tal-iskema, din baqgħet titħaddem bi ftit li xejn bidliet.