Meta Daphne Caruana Galizia kixfet li Keith Schembri u Konrad Mizzi bdew iwaqqfu kumpaniji fil-Panama mill-għada li kisbu l-poter f’Marzu 2013, l-investigazzjonijiet tagħha ġew miċħuda b’mod kategoriku. Minkejja li r-rappurtaġġ tagħha ġie kkonfermat b’mod indipendenti mill-pubblikazzjonijiet tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, it-tnejn li huma baqgħu fil-kariga tagħhom sa Novembru 2019.
Għall-bidu, il-gvern argumenta li r-rappurtaġġ ta’ Daphne ma kienx minnu. Meta dak l-argument ma kienx għadu plawżibbli, il-gvern argumenta li ma kien hemm l-ebda għemil ħażin.
Eventwalment inkixef l-iskop tal-kumpaniji fil-Panama, meta ġiet żvelata r-rabta tagħhom ma’ kumpaniji rreġistrati f’Dubai ta’ Yorgen Fenech, li wkoll kien qed imexxi l-proġett tal-Electrogas.
Bħal John Dalli qabilhom, Keith Schembri u Konrad Mizzi ma ffaċċjaw l-ebda konsegwenza materjali meta ġew esposti, u fil-mument tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kellhom u aktarx għad għandhom kull raġuni biex jemmnu li qatt mhu se jħallsu għal għemilhom.