Fl-ewwel xhur wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2013, il-gvern ta liċenzja lil Ali Sadr Hashemi Nejad, ċittadin Iranjan b’diversi identitajiet u ċittadinanzi, biex jiftaħ bank Ewropew f’Malta. Minkejja l-oġġezzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin li l-Pilatus Bank kien nadif tazza, l-investigazzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew sabu li l-Pilatus Bank kien magna tal-ħasil tal-flus għall-klijenti tiegħu u finalment il-bank kellu jingħalaq. Madankollu dan seħħ wara li sid il-bank ġie arrestat fl-Istati Uniti u akkużat bi frodi bankarju li allegatament sar qabel infetaħ il-Pilatus Bank. L-akkużi kontrih twaqqgħu minħabba skorrettezzi min-naħa tal-prosekuzzjoni (ksur Brady) wara l-kundanna ta’ ġurija f’qorti federali. Madankollu, hi konklużjoni raġonevoli li l-evidenza wriet li l-Pilatus Bank innifsu kien ġie ffinanzjat mir-rikavat ta’ reati kriminali preċedenti.
Daphne Caruana Galizia rrappurtat b’mod estensiv dwar il-ħasil tal-flus fil-Pilatus Bank. Is-sorsi tagħha, dawk li ġew skoperti, sfaw vittma ta’ kampanja sistematika taʼ intimidazzjoni. Daphne kienet soġġetta għall-aktar kawża SLAPP (Kawża Strateġika Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika) li tiswa flus fl-istorja tal-libeli ta’ pajjiżna.
Inkjesta dwar allegazzjonijiet li Joseph Muscat jew martu użaw il-Pilatus Bank biex jirċievu u jittrasferixxu fondi illeċiti ma sabitx evidenza ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Din l-Inkjesta m’għandhiex l-iskop li tirrevedi l-konklużjonijiet jew li teżamina mill-ġdid is-sejbiet ta’ inkjesta maġisterjali. Madankollu, hu pertinenti li nindikaw li l-Istat Malti ċaħad kull rappurtaġġ ta’ Daphne dwar il-Pilatus Bank, sew meta dan kien dwar il-“kont ta’ Michelle Muscat” u sew meta ma kienx. Nafu li ċ-ċaħdiet ma kinux veritiera u eventwalment il-bank kellu jingħalaq.