Qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, il-pulizija wrew l-interess tagħhom f’John Dalli, li kien irreżenja bid-diżunur minn Kummissarju Ewropew f’Ottubru 2012 minħabba evidenza miġbura mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF). Wara investigazzjoni ulterjuri mill-Pulizija Maltija, dawn u l-Avukat Ġenerali dehrilhom li kien hemm bażi biżżejjed għall-prosekuzzjoni ta’ John Dalli.

Angelo Gafà, dakinhar investigatur tal-pulizija u llum il-Kummissarju tal-Pulizija, kien xehed quddiem il-Kumitat Permamenti dwar il-Privileġġi u qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit, li ħa post John Rizzo, kien injora l-parir tal-Avukat Ġenerali biex jarresta lil John Dalli.7 Hawnhekk qed nikkwotaw minn rapporti tal-istampa minflok nirreferu għat-traskrizzjoni ta’ din il-laqgħa Parlamentari (tal-14 ta’ Jannar 2015) għax it-traskrizzjoni għadha mhix disponibbli fuq il-website tal-Parlament ta’ Malta8 minkejja li għaddew sitt snin.

Li tressaq lil eks Ministru tal-Finanzi u eks Kummissarju Ewropew għal proċedimenti kriminali ta’ korruzzjoni kienu jibagħtu sinjal ċar li ħadd mhu ’l fuq mil-liġi. Iżda bit-tneħħija tattika tal-Kummissarju John Rizzo, John Dalli seta’ jirritorna Malta mingħajr ir-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali, u biex aktar tard ikun involut f’ċerimonja pubblika bħala konsulent ewlieni tal-gvern immexxi minn Joseph Muscat.

Hu dokumentat pubblikament li John Dalli tqabbad biex jagħti konsulenza lill-gvern dwar il-politika tas-saħħa, il-qasam li kien responsabbli għalih fi Brussell qabel ma ġie mġiegħel jirreżenja. L-aktar inizjattiva prominenti ta’ politika fis-settur tas-saħħa kienet il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi f’inizjattiva mħabbla fi skandu li dwaru għaddejjin investigazzjonijiet kriminali.