Mill-għada tal-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat talab ir-riżenja tas-Segretarji Permanenti kollha, saħansitra qabel ħatar il-Kabinett tal-Ministri. Din id-deċiżjoni effettivament dgħajfet is-servizz pubbliku, u xekklitu fit-twettiq tal-funzjoni tiegħu li  jiżgura memorja istituzzjonali u kontinwità amministrattiva u li jaġixxi bħala kuxjenza legali għat-tmexxija politika tal-amministrazzjoni.

Is-sinjal li bagħtet l-amministrazzjoni fl-ewwel sigħat tagħha kien li s-servizz pubbliku ma kienx mistenni biss iservi lealment lill-gvern tal-ġurnata – kif fil-fatt hi l-funzjoni tiegħu – iżda li dan jagħmlu mingħajr kuxjenza. Dan joħroġ fid-dieher fi wħud mit-tweġibiet ta’ uffiċjali għolja taċ-ċivil li semgħet l-Inkjesta. Il-pubbliku kellu kull dritt jistenna li dawn l-uffiċjali jirrakkomandaw trażżin f’diversi deċiżjonijiet li huma spjegati biss jekk jitqiesu l-interessi korrotti ta’ persuni minn barra l-amministrazzjoni pubblika u tal-kompliċi tagħhom fi ħdanha.

L-impatt li din id-daħla kellha fuq il-gvern ta’ Joseph Muscat joħroġ mill-aktar ċar fil-konsegwenzi tat-tneħħija ta’ John Rizzo mill-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija. John Rizzo kellu ammirazzjoni wiesgħa u fejn tidħol il-korruzzjoni, ħadd ma kien jagħmillu l-bżar fuq imnieħru. Mexxa investigazzjonijiet u ressaq għal prosekuzzjoni u kundanna lil persuni bi profil għoli li kienu involuti fil-korruzzjoni, mingħajr ma qies il-konsegwenzi politiċi li setgħu jġarrbu l-persuni fil-poter.

Il-mod kif tratta ċertu każijiet bħall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-Imħallfin Noel Arrigo, Patrick Vella u Ray Pace, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni fix-xiri taż-żejt fl-Enemalta, il-korruzzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji fl-uffiċċju tar-regolatur tat-trasport, u każijiet oħra, kienu sinjal ċar għal kull min se jidħol fil-poter f’Marzu 2013 li John Rizzo se jkun ostaklu biex jitwettaq pjan korrott.

L-evidenza li semgħet din l-Inkjesta turi li l-gvern ta’ Joseph Muscat offra lil John Rizzo kwalunkwe pożizzjoni li xtaq, u eventwalment anki konsulenza, diment li jaċċetta li jħalli l-kariga tiegħu ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Bir-rekord ta’ John Rizzo, diffiċli tgħaddi minn moħħna li l-impunità li rrenjat f’bosta każijiet li semgħet din l-Inkjesta u miġbura fil-qosor hawn taħt, setgħet tibqa’ tippersisti għal dan it-tul taż-żmien.
Barra minn hekk, dan is-sinjal wasal f’livelli aktar baxxi. Ta’ min wieħed ifakkar li f’inqas minn għaxart ijiem wara l-elezzjoni tal-2013, fid-19 ta’ Marzu, is-Sindku taż-Żurrieq, Ignatius Farrugia, u persuni oħra ħebbew għal Daphne fil-pubbliku sal-punt li kellha tfittex kenn f’kunvent. Fit-testimonjanza tagħha, Daphne tgħid li meta kienet qed tipproteġi lilha nnifisha f’kunvent, il-persuni li ġrew warajha bdew jgħajtu: “Oħorġuha minn hemm, oħorġuha minn hemm. Issa aħna hemm fil-gvern.”6