Mingħajr preġudizzju għall-preżunzjoni tal-innoċenza tal-persuni akkużati li wettqu l-qtil ta’ Daphne jew li kienu kompliċi fih, jidher ċar li l-allegati assassini aġixxew skont l-istruzzjonijiet ta’ “klijenti” jew “bosses” li qabbduhom jew ordnawlhom iwettqu r-reat. Anki l-boss jew il-bosses ħassew li aktarx mhux se jinqabdu biex iħallsu għal għemilhom. Parzjalment, wieħed jista’ jassumi li dawn ħasbu hekk għax qtil ta’ persuna b’karozza bomba deher li l-pulizija ma ssolvieh qatt.
Parzjalment, iżda, hu riżultat ta’ falliment fis-sistemi tal-Istat Malti li naqsu li jinfurzaw il-liġi fir-reati mwettqa minn persuni ta’ influwenza.
Erbatax-il jum qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri qal f’diskors pubbliku:
“Is-saltna tad-dritt ma tistax issaltan jekk il-liġijiet li jsiru, u li huma intiżi proprju sabiex iwettqu dik is-saltna, ma jiġux applikati u inforzati. U l-liġijiet iridu jiġu infurzati mill-awtoritajiet vestiti bis-setgħa li jinfurzawhom. Jekk il-persuni li jokkupaw dawk il-karigi (il-pulizija u l-Avukat Ġenerali) ma jaqdux id-doveri tagħhom imparzjalment u indipendentement allura tiġi mminata s-saltna tad-dritt. Kull sistema tiddependi finalment fuq l-integrità tal-persuni fdati biex iħaddmuha. Fin-nuqqas, niġu rinfaċċjati b’montatura, b’faċċata ta’ distrazzjoni u aljenazzjoni, mingħajr sustanza. Jekk ikun hemm il-piena għal uħud iżda mhux għal oħrajn, allura l-qrati ma jibqgħux aktar amministraturi tal-ġustizzja iżda jsiru amministraturi tal-inġustizzja.”5
Din id-dikjarazzjoni jeħtieġ titqiegħed f’kuntest li, minħabba l-koinċidenza taż-żmien u l-post, jaħbat l-istess kuntest li fih inqatlet Daphne Caruana Galizia ġimagħtejn wara.