L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba ma kienx l-ewwel qtil jew attentat ta’ qtil ta’ din l-għamla fis-snin li wasslu għall-qtil tagħha. Madankollu, matul dawk is-snin u wara d-diversi karozzi li splodew qabel4 Ottubru 2017, m’aħniex konxji li saru arresti mill-pulizija b’rabta ma’ dawk l-isplużjonijiet.
L-arresti li saru wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huma riżultat ta’ investigazzjonijiet forensiċi li rabtu l-bombi mal-allegati awturi. L-evidenza tissuġġerixxi li l-modus operandi fil-qtil ta’ Daphne kien l-istess bħal tal-isplużjonijiet preċedenti.
Għaldaqstant, hu raġonevoli li wieħed jissuġġerixxi li kieku ntużat l-istess metodoloġija forensika għall-investigazzjoni tal-każijiet preċedenti, il-metodu użat biex tinqatel Daphne Caruana Galizia jaf kien jiġi evitat b’azzjoni aktar kmieni mill-pulizija.
Dan ma jfissirx li dawk li riedu joqtlu lil Daphne Caruana Galizia ma setgħux isibu modi oħra biex jilħqu l-iskop tagħhom.
Huwa assjomatiku li mod kif nipproteġu lil vittmi potenzjali tal-kriminalità hu billi naqbdu lill-awturi tal-kriminalità u nikkastigawhom. Sakemm l-awtoritajiet saritilhom pressjoni pubblika u internazzjonali biex juru li kienu qed jinvestigaw qtil minħabba l-profil għoli tal-vittma fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, il-karozzi bomba tħallew isiru mingħajr konsegwenza.
Il-persuni li qatlu lil Daphne Caruana Galizia b’karozza bomba kellhom kull raġun jemmnu li mhux se jinqabdu għax ħadd ma kien inqabad b’rabta mal-karozzi bomba preċedenti. Dan hu konsegwenza tal-falliment tal-Istat Malti meta naqas li jinforza l-liġi f’każijiet preċedenti li użaw l-istess metodu jew modus operandi.