L-Inkjesta m’għandhiex l-iskop li tiddetermina responsabbiltà kriminali f’dan il-każ, u għalhekk dawn is-sottomissjonijiet ma jesprimu l-ebda fehma dwar l-akkużi mressqa kontra għadd ta’ individwi li ġew akkużati li wettqu l-qtil jew li qabbdu kompliċi fih jew li għattewlhom, u dwar l-evidenza mismugħa kontrihom s’issa. Madankollu hu ċar li, għalkemm dan il-każ jaf involva bosta persuni, dawk involuti fl-organizzazzjoni tal-qtil innifsu jidher li huma grupp limitat ta’ persuni.

Kwalunkwe persuna li tinstiga qtil jew li tippermetti lilha nnifisha tipparteċipa fi qtil, u li taħbi l-azzjoni tagħha fit-tifrik li tħalli warajha karozza bomba sploduta mill-bogħod, żgur li tagħmel dan bil-konvinzjoni li aktarx mhix se taffaċċja konsegwenzi għal għemilha.