Skont it-termini ta’ referenza, l-Inkjesta għandha l-għan li tikseb dawn ir-riżultati:

  • “jiġi determinat jekk xi att jew ommissjoni illeċita minn, jew fi ħdan, xi entità tal-Istat iffaċilitatx l-assassinju jew naqsitx milli tipprevjenih. B’mod partikolari jekk (a) xi entità tal-Istat kinitx taf jew kellhiex tkun taf dwar, jew ikkawżatx, riskju reali u immedjat, inkluż mill-aġir kriminali ta’ xi terza persuna, għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia u (b) naqset milli tieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tagħha li, b’ġudizzju raġonevoli, kien mistenni minnha li tieħu biex tevita dak ir-riskju;
  • “tistabbilixxi jekk l-Istat kellux u għandux fis-seħħ dispożizzjonijiet ta’ liġi kriminali effettivi u mezzi oħra prattiċi biex jevita li jiżviluppa stat ta’ de facto impunità bl-okkorrenza spissa ta’ atti kriminali li ma jiġux solvuti u biex jiddisswadi mit-twettiq ta’ reati kriminali serji, bl-appoġġ ta’ makkinarju ta’ infurzar tal-liġi għall-prevenzjoni, is-soppressjoni, l-investigazzjoni u l-kastig tal-vjolazzjonijiet serji tal-liġi;
  • “tiddetermina jekk l-Istat wettaqx u jekk huwiex qiegħed iwettaq l-obbligu pożittiv li jieħu miżuri operazzjonali ta’ prevenzjoni biex jipproteġi lil dawk l-individwi li l-ħajja tagħhom tkun fir-riskju minn atti kriminali u dan b’mod partikolari fil-każ tal-ġurnalisti.”

Fil-fehma tagħna, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hu r-riżultat ta’ sensiela ta’ ċrieki konċentriċi maħsuba biex jippermettu li jseħħ il-qtil, biex l-awturi jorganizzawh u jwettquh, u biex ikunu jistgħu jgawdu l-impunità wara l-fatt.