Il-maturità ċivika ta’ din il-komunità tiddependi fuq kif tittratta l-Istorja tagħha stess. L-isforz kontra l-mafja f’pajjiżi bħall-Italja jistrieħ fuq il-memorja kollettiva tal-vittmi tagħha. Dan mhux proċess ta’ beatifikazzjoni jew ta’ glorifikazzjoni kif jissuġġerixxu ħażin dawk li jopponu l-kawża tal-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Dan huwa proċess ta’ tixrid tal-verità, li mingħajru ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustizzja, l-ebda rikonċiljazzjoni u l-ebda maturità nazzjonali.
Uħud mix-xhieda li taw evidenza quddiem l-Inkjesta ppreżentaw ir-“raġunijiet” tagħhom għalfejn ma jniżżlux lil Daphne Caruana Galizia jew xogħolha. Din kienet irrilevanti u kontroproduċenti. Il-fatt hu li Daphne Caruana Galizia nqatlet għax ħadmet kontra l-kurrent biex tikxef l-għemil ħażin u biex il-persuni fil-poter jagħtu rendikont ta’ għemilhom u jerfgħu r-responsabbiltà.
Minn perspettiva oġġettiva, dak hu sagrifiċċju li l-ebda demokrazija li tiffunzjona m’għandha titlob mingħand xi wieħed miċ-ċittadini tagħha. Iżda dan tabilħaqq seħħ. Issa l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu bħala komunità hija li nitgħallmu mill-qtil ta’ Daphne, u nsewwu dak li nafu li hu miksur. U li nwasslu l-eżempju ta’ Daphne lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ biex jimitaw l-impenn ċiviku, il-kuraġġ u d-determinazzjoni altruwista tagħha li tagħti kollox għall-kawża tal-verità.
Fil-qalba tal-valuri li aħna naspiraw bħala demokrazija għandu jkun hemm is-servizz ta’ ġurnaliżmu indipendenti u kritiku. Jixraq li uliedna jiġu mgħallma japprezzaw dan, jippretenduh u jikkontribwixxu għalih bħala element ewlieni fl-edukazzjoni formali tagħhom. Iċ-ċittadini jeħtieġ ifakkru b’tant eżiġenza lill-Istat Malti biex iħares l-indipendenza ta’ dan il-pilastru demokratiku minn kull indħil, ċensura, u saħansitra mill-vjolenza min-naħa ta’ dawk li jaqblilhom idgħajfu dawn il-libertajiet.
Inikkitna l-fatt li dawk li jokkupaw l-ogħla karigi politiċi u istituzzjonali ta’ pajjiżna jevitaw li jfakkru s-sagrifiċċju kbir ta’ Daphne Caruana Galizia u li jsemmu l-għajta għal ġustizzja fil-każ tagħha. Inikkitna l-fatt li dawk li jokkupaw l-ogħla karigi politiċi u istituzzjonali ta’ pajjiżna jippreferu jippermettu, minħabba l-assenza, l-ambivalenza u xi drabi l-ostilità diretta u persistenti tagħhom, l-impressjoni falza li Daphne tappartjeni għal xi kasta elitista, intitolata jew partiġġjana minflok li tappartjeni għall-pajjiż kollu kemm hu.
Nittamaw li s-sejbiet tal-Inkjesta jgħinu b’xi mod biex tinbidel din ir-realtà inġusta.
B’rispett ngħarrfu lill-Bord li fl-ispirtu ta’ testimonjanza miftuħa, imħarsa bis-sħiħ mill-Inkjesta, dawn is-sottomissjonijiet se jsiru pubbliċi.
Ħajr lill-Bord għall-opportunità li nressqu dawn is-sottomissjonijiet u nibqgħu dejjem għad-dispożizzjoni tiegħu.
Imressqa b’rispett,

President

President Eletta

Segretarja Ġenerali

Uffiċjal Eżekuttiv