Sal-mument tal-kitba, Daphne Caruana Galizia nqatlet 39 xahar ilu. Il-kampanja biex tiżolaha, tiskreditaha u temarġinaha bdiet ħafna żmien qabel u għadha t-tattika tal-korrotti u ta’ dawk li mhumiex demokratiċi, sal-lum il-ġurnata.
Sal-lum għadu ħadd m’għadda ġuri għall-assassinju tagħha.
Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u bosta oħrajn m’għadhomx fil-kariga u irrispettivament minn jekk jammettux jew le, kellhom jirreżenjaw bid-diżunur wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minkejja l-arresti, l-interrogazzjonijiet, il-libertajiet proviżorji, u messanxeni oħra ta’ setgħat istituzzjonali nofs kedda, sal-lum ħadd għadu ma ffaċċja konsegwenzi kriminali għal għemilu u għadhom qed jiċħdu kwalunkwe għemil ħażin.
Fil-livell politiku, il-gvern, il-partit politiku fil-gvern, il-midja tiegħu u l-bażi li tappoġġjah, qatt ma ffaċċjaw tassew l-orrur veru tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-verità hi moħbija jew miċħuda. Ma saret l-ebda apoloġija, u ma kien hemm l-ebda dispjaċir u l-ebda assenjazzjoni politika tar-reponsabbiltà. Minflok, Robert Abela, il-kap tal-gvern u l-mexxej tal-partit fil-gvern jisħaq li wasal iż-żmien li tinqaleb il-paġna fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan minkejja li l-paġna għadha ma nqratx minn bosta.
Għaldaqstant, għadna frustrati, irrabjati u mnikkta għax issa anki l-istituzzjonijiet tagħna mhumiex jirrealizzaw, jew qed jirrifjutaw li jirrealizzaw, li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu effett trasformattiv fuq it-tħaddim tal-politika f’Malta u fuq is-soċjetà Maltija. Il-mod kif l-istituzzjonijiet jibqgħu jinjoraw, irażżnu u jiċħdu l-verità dwar dak li ġara u dwar dak li għadu qed jiġri, mhuwiex biss inġustizzja gravi fil-konfront ta’ Daphne u l-familja tagħha – dik ukoll – iżda hu oltraġġ għad-demokrazija ta’ Malta.
L-istorja uffiċjali tridna nemmnu li l-memorja ta’ Daphne hija xkiel għall-benesseri ta’ pajjiżna.
F’nofs dan kollu, din l-Inkjesta kienet eċċezzjoni mill-aqwa għall-falliment istituzzjonali estensiv ta’ Malta. Irrispettivament mill-konklużjonijiet finali ta’ din l-Inkjesta, l-esperjenza tagħha kienet waħda eċċezzjonali għal diversi raġunijiet, iżda b’mod
partikolari għax il-persuni fil-poter kellhom iwieġbu mistoqsijiet li altrimenti qatt ma kienu jwieġbu fil-pubbliku.
Għalhekk, Repubblika tesprimi l-gratitudni tagħha lejn il-Bord.
Fil-bqija tad-dokument, se nippreżentaw il-fehmiet tagħna għall-kunsiderazzjoni tagħkom dwar il-mistoqsijiet li saru skont it-termini ta’ referenza.3