Intbaħna li bħala ċittadini konna qed insegwu u naqraw il-kitbiet ta’ Daphne sempliċiment bħala spettaturi. Donnu kien xi għamla ta’ divertiment li konna distakkati minnu. Aġixxejna daqslikieku ma kellna l-ebda responsabbiltà li naħdmu biex inbiddlu dak li kien qed jiġri. Fil-ħajja demokratika konna qed nieħdu sehem biss dakinhar tal-elezzjoni bil-vot tagħna, u abdikajna mir-responsabbiltà tagħna bħala ċittadini minkejja l-eżempju brillanti ta’ Daphne tal-impenn għall-ġid komuni, l-involviment dirett u t-taħbit tagħha kontra dak kollu li hu abbużiv, il-bullying istituzzjonali u ċ-ċensura oppressiva.
F’dan is-sens, konna sirna kompliċi fl-isforz konxju u kkoordinat tal-għedewwa tagħha li riedu jiżolawha, jimminawha u jċaħħduha mill-protezzjoni li soċjetà ċivili koeżiva, attiva u parteċipattiva għandha tagħti lill-persuni li huma fil-mira tal-persuni fil-poter. Filwaqt li Daphne kitbet il-verità dwar il-persuni fil-poter, aħna bqajna b’idejna marbutin, u dawk li ma kinux jaqblu magħha apertament kienu qed joħolqu l-ambjent li jippermetti t-tmiem tagħha.
Minn fost il-fallimenti li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għażilna li l-ewwel nittrattaw il-falliment li konna responsabbli għalih aħna, jiġifieri li s-soċjetà ċivili kienet dgħajfa u li ftit li xejn saħqet fuq kwistjonijiet li jnawru d-demokrazija, fuq il-korruzzjoni, il-bullying istituzzjonali u l-fallimenti tas-saltna tad-dritt.
Fl-opinjoni tagħha tal-2018 dwar “l-arranġamenti Kostituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri, u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi,”2 il-Kummissjoni Venezja sabet li:
“Il-midja u s-soċjetà ċivili huma essenzjali għad-demokrazija fi kwalunkwe Stat. Ir-rwol tagħhom bħala għassiesa hu prekundizzjoni indispensabbli għall-akkontabbiltà tal-gvern. Id-delegazzjoni tal-Kummissjoni Venezja kellha l-impressjoni li f’Malta, il-midja u s-soċjetà ċivili kienu qed isibuha diffiċli biex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. Uħud mill-interlokaturi tal-Kummissjoni saħansitra jirreferu għal “liġi prevalenti ta’ omertà”. Anki meta l-awtoritajiet ma jkunux jifilħu l-kritika fil-konfront tagħhom, dawn huma fid-dmir li jiżguraw li l-midja u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament.”
Waqqafna Repubblika biex nindirizzaw id-diffikultà li jitwettaq ir-rwol essenzjali li s-soċjetà ċivili mistennija taqdi f’demokrazija.
L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx sempliċiment katalist għall-eżistenza tagħna. Kien u għadu l-eżami definittiv tat-trasformazzjoni li jeħtieġ tgħaddi minnu d-demokrazija Maltija biex ikun jixirqilha tissejjaħ hekk, għallinqas fir-rigward tal-funzjonament tas-soċjetà ċivili u fit-twettiq tal-prekundizzjoni indispensabbli tal-akkontabbiltà tal-gvern.