Sa mill-bidu nett, il-moviment tagħna attribwixxa parzjalment l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għall-fallimenti istituzzjonali u ta’ individwi f’karigi istituzzjonali meta naqsu li jaqdu dmirhom u jipproteġu ħajjet Daphne Caruana Galizia bħala individwu u bħala element tas-soċjetà ċivili li jaġixxi indipendentement u liberament mill-kontroll tal-gvern.
Wara ftit sigħat mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, tlabna għat-tneħħija jew għar-riżenja ta’ persuni ta’ awtorità fil-gvern, fis-servizz tal-prosekuzzjoni, fil-korp tal-pulizija, u f’entitajiet oħrajn. Dan għax għarafna minnufih li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ għax bosta individwi fallew fi dmirhom li jipprevjenu li jseħħ u, meta seħħ, naqsu milli jaġixxu kif xieraq. Dak kollu li ġara minn dakinhar sal-lum hu konferma li l-ġudizzju inizjali tagħna kien korrett.
Aħna, eventwalment fundaturi individwali u mexxejja u membri ta’ Repubblika, ilkoll għamilna eżami tal-kuxjenza u ridna nerfgħu l-parti tagħna tar-responsabbiltà b’rabta ma’ dak li ġara. Minn dak l-eżami, tnisslet Repubblika.