L-Unur Tiegħu Michael Mallia
L-Unur Tagħha Abigail Lofaro
L-Unur Tiegħu Joseph Said Pullicino
Għeżież Membri tal-Bord tal-Inkjesta,
Ħajr għal din l-opportunità li nippreżentaw il-kunsiderazzjonijiet tagħna bil-miktub qabel jitfasslu l-konklużjonijiet finali tal-Inkjesta.
1. Repubblika
Repubblika twaqqfet formalment nhar il-25 ta’ Jannar 2019 f’konformità mal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (il-Kapitolu 492 tal-Liġijiet ta’ Malta) “biex tippromwovi d-drittijiet ċivili, il-ħajja demokratika, is-saltna tad-dritt, il-libertà tal-kelma, il-libertajiet personali, l-inklużjoni soċjali, il-konservazzjoni ambjentali, is-sostenibbiltà ekonomika u l-ugwaljanza tal-aċċess, b’parteċipazzjoni attiva fid-diskors nazzjonali u f’inizjattivi edukattivi, soċjali u karitattivi relatati.”
L-Istatut tagħna, fl-Artikolu 3.1, jiddikjara fost l-oħrajn li:
“L-Assoċjazzjoni tqis dawn il-prinċipji li ġejjin bħala inerenti għal kull soċjetà ċivili f’demokrazija li taħdem taħt is-saltna tad-dritt, u fl-applikazzjoni tagħhom m’għandha taġixxi bl-ebda mod li jkun inkonsistenti magħhom:
- “Is-soċjetà ċivili tinkludi l-firxa sħiħa ta’ individwi, gruppi organizzati u istituzzjonijiet indipendenti mill-Istat, li jaġixxu f’ambjent volontarju jew mingħajr skop ta’ qligħ, u li tal-inqas ikunu sa ċertu punt awtoġeneranti u awtosuffiċjenti. Din tinkludi lil organizzazzjonijiet nongovernattivi, midja indipendenti, ħassieba u gruppi ta’ riflessjoni, universitajiet, u gruppi soċjali u reliġjużi. Il-parteċipanti tas-soċjetà ċivili jirrispettaw is-saltna tad-dritt, id-drittijiet tal-individwi u d-drittijiet ta’ gruppi oħra li jesprimu l-interessi u l-opinjonijiet tagħhom b’rispett sħiħ għall-kunċetti tal-pluraliżmu u d-diversità.
- “Stat demokratiku jiffunzjona tajjeb u huwa awtoritattiv. Ikun jinkorpora modi u mezzi għal verifika, monitoraġġ u restrizzjoni tal-poter tal-mexxejja politiċi u tal-uffiċjali tal-Istat. F’dan il-kuntest, is-soċjetà ċivili tissorvelja l-mod kif l-uffiċjali tal-Istat jużaw il-poteri tagħhom, turi tħassib pubbliku f’każ ta’ abbuż, u tistinka biex tikseb aċċess għal informazzjoni ħalli taqdi din il-funzjoni.
- “Is-soċjetà ċivili toħroġ fid-dieher l-imġiba korrotta ta’ uffiċjali pubbliċi u taħdem qatigħ għal riformi ta’ governanza tajba.”1
Insostnu wkoll, fl-Artikolu 4. 1.vii, li:
“L-Assoċjazzjoni tasserixxi li l-Istat hu fid-dmir li jippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-obbligu li jitħarsu d-drittijiet tas-soċjetà ċivili. F’dan ir-rigward, id-dmir tal-Istat hu kemm negattiv billi jevita li jindaħal fid-drittijiet tal-bniedem u fil-libertajiet fundamentali, u kif ukoll pożittiv billi jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Id-dmir tal-Istat jinkludi wkoll l-obbligu li jiżgura li l-liġi tkun abilitanti kif xieraq, u li jkun hemm fis-seħħ il-mekkaniżmi istituzzjonali meħtieġa biex jiżguraw id-drittijiet rikonoxxuti tal-individwi kollha.”
Għalina, din hija ferm iżjed minn dikjarazzjoni ta’ prinċipji. Repubblika twaqqfet minn individwi li ngħaqdu flimkien wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan għamilnieh għax konna rrabjati u ma konniex sodisfatti bl-azzjoni tal-awtoritajiet jew bin-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom, qabel u wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.