Diskors ta’ Robert Aquilina

Il-Ħamrun

2 ta’ Marzu 2021

Inġbarna llum biex infakkru lil Miriam Pace… maġemb il-ħerba fejn inqatlet.

Miriam… li nqatlet meta ħaddieħor kien qed jagħmel il-flus.

Miriam… li naqtlet fil-ġirja sfrenata biex xi ħadd jimla l-kont tal-bank tiegħu waqt li jifga lill-ħaddieħor fil-konkos.

Miriam… li nqatlet biex, kif ktibna aħna lill-President, pajjiżna jkompli jimtela b’monumenti “għall-kilba u l-medjokrità”.

Min ħeġġiġna ‘to make hay while the sun shines’, tefa’ lill-bqija fid-dell

Waqt li l-ftit jistgħu igawdu l-ftuh tal-kampanja, parti kbira tal-poplu m’għadhomx jistgħu jaraw ix-xemx u s-sema’ bil-ħitan jogħlew kontinwament u l-mixers bil-konkos għaddejjin mingħajr waqfien.

Qed jitteħduluna l-ispazji miftuħa tal-kampanja u l-irħula u minflokom jitilgħu kaxex koroh tal-concrete.

Il-koppli u l-kampnari tagħna lkoll qed jiġu mgħottija bit-torrijiet tal-ftit.

Il-persuni bil-premm jew bis-siġġu tar-roti qed jitwarrbu minn fuq il-bankini biex tan-negozju jistgħu jagħmlu iżjed flus.

Is-siġar qed jitqaċċtu biex jagħmlu wisgħa għall-karozzi. 

L-arkitettura vernakulari qed tinbidel f’porkerija.

U aħna qed inħallsu għal dan kollu.  

Iżda Miriam Pace ħallset l-ogħla prezz.

Quddiem din ir-rovina jeħtieġ li nkunu onesti. Aħna wkoll respnsabbli għall-mewt ta’ Miriam. 

Ħadna sehem fil-mewt ta’ Miriam meta adurajna l-flus, ġew kif ġew… u ġew minn fejn ġew.

Ħadna sehem fil-mewt ta’ Miriam meta għalaqna ħalqna għax għażilna li ma nitkellmux kontra l-ħażin, għax ħalqna kien mimli peress li konna qed inpappuha.

Ħadna sehem fil-mewt ta’ Miriam meta bżajna nitkellmu quddiem l-inġustizzja ta’ min hu arroganti u bully.

Iva, aħna wkoll responsaabli għall-mewt ta’ Miriam Pace. 

Quddiem din ir-rovina, nitolbuha maħfra

Aħfrilna Miriam li adurajna l-flus u li partatna s-sabiħ magħhom.

Aħfrilna Miriam li m’għamilna xejn għax il-problemi ma kienux wara biebna.

Aħfrilna Miriam li għalaqna ħalqna quddiem min hu b’saħħtu.

Ħamest’ ijiem oħra, niċċelbraw Jum il-Mara.

Matul l-aħħar 20 sena f’pajjiżna 4 persuni mietu mirduma ġewwa darhom. Kollha kemm huma kienu nisa.

Rita Vella mietet f’tas-Sliema fit-12 ta’ April 2000

Mary Zarb u Nadya Vavilova mietu f’San Pawl il-Baħar fit-3 ta’ Ġunju 2004.

Miriam Pace mietet hawnhekk fit-2 ta’ Marzu tas-sena l-oħra.

Għaliex in-nisa huma daqshekk vittmi?  Għaliex id-dar hi post perikoluż għan-nisa tagħna?  Jaqaw għax id-dinja ta’ barra d-dar mhix sejra tajjeb?

Donnu d-destin ta’ Repubblika li tfakkar il-qtil tan-nisa f’kuntest ta’ rovina.  

Xi minndaqqiet ir-rovina tkun tidher bħalma qed naraw quddiema.

Drabi oħra, ir-rovina ma tkunx qed tidher għax tkun moħbija taħt il-ġlekkijiet, tkun mgħottija bl-ilbies li jiswa ħafna flus…imma hemm tkun.  

Issa nitlobkom li nżommu minuta ta’ skiet.  

F’dan is-skiet niftkaru f’Miriam li ġiet imsikkta bil-silenzju tagħna quddiem l-abbuż.

F’dan is-silenzju ejja nimpenjaw ruħna li ma ninsewx u ma nibqgħux siekta.

Miriam, waqt din il-minuta silenzju inwiegħduk li nitkellmu u li naħdmu favur il-verità u favur il-ġustizzja.